Friday, April 26, 2024

It-tiswijiet fuq l-Interconnector swew madwar €25 miljun 

Enemalta fetħet proċeduri legali kontra s-sidien tat-tanker Chem P għall-ispejjeż

Aqra wkoll

Enemalta temmet it-tiswijiet tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja, wara li kien intlaqat b’ankra ta’ vapur waqt maltempata f’Marzu li għadda. 

Għal kważi tliet ġimgħat, inġiniera u tekniċi ta’ Enemalta flimkien ma’ dawk ta’ Nexans, il-kumpanija li kienet ipproduċiet l-Interconnector, irranġaw il-ħsarat fil-cable f’qiegħ il-baħar lil’hinn mix-xatt ta’ Qalet Marku, f’Baħar iċ-Ċagħaq. 

Inġ Ian Spiteri, wieħed mill-inġiniera ta’ Enemalta li segwew ix-xogħlijiet, spjega kif il-ħaddiema bdew it-tiswijiet billi qatgħu medda ta’ ftit aktar minn kilometru u nofs ta’ cable f’qiegħ il-baħar permezz ta’ apparat robotiku. Imbagħad neħħewlu l-kisja ta’ protezzjoni tal-azzar, magħrufin bħala cast iron shells, li kellu madwaru. 

Iż-żewġt itruf tal-cable ittellgħu fuq il-vapur fejn il-ħaddiema għaqqduhom ma medda ta’ cable ġdida, li Enemalta kienet qed iżżomm fil-Power Station ta’ Delimara għal tiswijiet bħal dawn. 

It-tiswijiet infushom swew madwar €25 miljun. Enemalta fetħet proċeduri legali kontra s-sidien tat-tanker Chem P, li kkawża l-ħsarat, sabiex titħallas għal dawn id-danni. 

Inġ Alistair Camilleri, Kap tat-Taqsima Distribuzzjoni u Proġetti ta’ Enemalta, spjega li kif seħħ l-inċident, l-Enemalta bdiet taħdem biex twettaq it-tiswijiet mill-aktar fis. Irringrazzja lill-entitajiet kollha li ħadu sehem fl-ippjanar ta’ dan ix-xogħol, li mill-ewwel ikkoperaw mal-kumpanija. 

Ix-xogħlijiet ta’ tiswija saru abbord il-vapur speċjalizzat Nexans CLV Aurora, bastiment ġdid li ġie varat is-sena li għaddiet. Huwa l-akbar vapur tat-tip tiegħu fid-dinja, mgħammar bl-aħħar teknoloġiji sabiex iqiegħed cables twal taħt l-ilma u jagħmel manutenzjoni u tiswijiet tagħhom. 

Carl Hofsli, Project Manager tal-kuntrattur tat-tiswijiet Nexans, spjega li grazzi għat-teknoloġija u l-esperjenza tal-kumpanija, l-Enemalta setgħet twettaq it-tiswijiet u t-testijiet relatati f’qasir żmien, sabiex tiżgura li l-Interconnector ikompli jwassal l-elettriku bejn l-Italja u Malta. 

B’tul ta’ 98 kilometru, l-Interconnector iwassal l-elettriku mill-grid Ewropea fi Sqallija lejn Malta. Bħala parti mit-taħlita ta’ sorsi t’enerġija li tikkontrolla Enemalta, din il-konnessjoni tissupplixxi medja ta’ madwar 20 fil-mija tal-elettriku għall-Gżejjer Maltin. Sakemm kien mitfi, il-ħtiġijiet tal-elettriku fil-pajjiż kienu koperti minn sorsi lokali u mill-impjanti ta’ kapaċità addizzjonali li Enemalta topera għal dawn il-bżonnijiet. 

Sabiex tibqa’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku f’pajjiżna, l-Enemalta diġa ordnat medda ta’ aktar minn kilometru ta’ cable tal-Interconnector ġdida oħra, sabiex tibqa’ żżomm il-ħażna meħtieġa f’każ li jerġa’ jkun hemm ħsarat jew inċidenti oħrajn. 

Għal aktar tagħrif dwar Enemalta plc, żur is-sit www.enemalta.com.mt jew segwi l-kumpanija fuq Facebook, Instagram u mezzi oħrajn ta’ media soċjali. 

Għal 

Sport