Wednesday, March 27, 2024

Issa uffiċjali … Inter u Red Bull Salzburg f’pajjiżna għal kamp ta’ taħriġ

Aqra wkoll

Il-ġganti tas-Serie A Inter se jkunu qed jiffaċċjaw lit-tim tal-Premier Gzira United f’partita ta’ ħbiberija fil-5 ta’ Diċembru fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin fis-6pm.

Inter se jkunu qed jagħmlu l-vjaġġ lejn Malta x-xahar id-dieħel għall-kamp qasir biex il-membri tal-ewwel tim li ma ntgħażlux għat-Tazza tad-Dinja 2022 ikollhom l-opportunità li jżidu l-fitness tagħhom qabel il-bidu mill-ġdid tal-kampjonat Taljan f’Jannar.

Inter għandhom jaslu Malta fl-4 ta’ Diċembru u matul iż-żjara tagħhom f’Malta se jkunu qed jilagħbu żewġ logħbiet ta’ ħbiberija.

Dan hekk kif in-Nerazzurri kellhom jiltaqgħu mat-tim Awstrijak tar-Red Bull Salzburg fis-7 ta’ Diċembru fil-Tony Bezzina Stadium ukoll fis-6pm.

It-tim Awstrijakk se jkun Malta fl-istess perjodu fejn huma wkoll se jagħmlu kamp qasir biex jippreparaw ruħhom għall-bidu mill-ġdid tal-Bundesliga Awstrijaka fis-6 ta’ Jannar.

Aktar dettalji ngħataw waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan inidirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu, l-Onorevoli Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá Maltijja għat-Turiżmu, Carlo Micallef, iċ-Chairman tal-istess Awtoritá Dr Gavin Gulia u ċ-Chairman tal-MFA Sports Plus Limited, Helmut Anhof.

Ilkoll kellhom kliem ta’ tifħir għal pajjiżna li qed jirnexxielhom jattiraw timijiet ta’ dan il-livell sena wara l-oħra fejn jinsabu ċerti li bil-fan base li għandhom dawn iż-żewġ timijiet speċjalment Inter se jkunu qed jiġbdu l-interess ta’ bosta Maltin.

Huma qalu li dan jawgura tajjeb għall-futur fejn il-prospetti għat-turiżmu għas-sena d-dieħla foshom in-niċċa sportiva qed jidhru ferm sbieħ. 

Ekonomija

Sport