Thursday, March 28, 2024

ĦODOR

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Wieħed mill-mekkaniżmi li bihom hu maħsub li tittella d-difiża kontra l-bidla fil-klima jippromwovi investimenti “ħodor” u jippenalizza investimenti fi proċessi u ħidmiet li joħolqu aktar diossidu tal-karbonju fl-atmosfera. Il-“ħodor” jingħataw trattament preferenzjali minn gvernijiet u l-banek jiġu ggwidati biex jagħmlu l-istess fuq self.

Problema kienet – u sa ċertu punt għadha – dwar kif l-investimenti “ħodor” se jintgħarfu. Ċara li dawk ibbażati ngħidu aħna fuq enerġija li tiġġedded huma ħodor; dawk fuq il-faħam le. Imma jekk proġett ikun maħsub biex jibdel l-użu ta’ enerġija mill-faħam għal sors li jniġġes anqas, għalkemm xorta jniġġes bid-diossidu tal-karbonju, għandu jikkwalifika bħala “aħdar” jew le?

L-enerġija nukleari għandha tikkwalifika bħala “ħadra”? U dik ġenerata mill-injam ta’ foresti li qed jiġġeddu?

Ħafna mid-diffikultajiet (mhux kollha) imqanqla minn mistoqsijiet bħal dawn qed jiġu maħlula. Biss għad hemm stati li żammew ir-riżervi tagħhom.

Sadattant l-arloġġ tal-klima li dejjem tisħon baqa’ jtektek, forsi aktar imgħaġġel minn qabel.

***

AKTAR GĦAT-TUL 

Mal-Ewropa kollha daħlet il-fehma li l-gwerra kontra l-Covid 19 se ddum aktar milli kien mistenni sa ftit taż-żmien ilu. Il-ħsieb kien li bit-tilqim li fl-aħħar telaq b’rankatura, l-infezzjonjiet kienu se jitrażżnu sew sal-aħħar tas-sajf u kważi għal kollox matul il-ħarifa.

M’għadx hemm din l-istennija, wara li bil-wasla tal-varjant Delta resqet mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet.

Biss, għadilli hemm rassenjazzjoni dwar dil-ħaġa, l-istramba hi li kollox ma’ kollox, il-pronostki dwar it-tkabbir ekonomiku fix-xhur li ġejjin baqgħu tajba, biex ma ngħidx tjiebu. Donnu li l-operaturi ekonomiċi diġà daħħlu fil-kalkoli tagħhom il-possibilità li se jkollna nidraw ngħixu bil-Covid bħala parti minn ħajjitna.

***

IL-“CRAYFISH” JAVVANZAW

Sa fejn naf, m’għandhomx isem bil-Malti għalkemm sabu kemm wens riedu f’pajjiżna. Għandhom il-forma ta’ awwista, f’ħafna ċokon. Qaluli li jistgħu jinstabu fi tliet ilwien – dawk li rajt deherli huma ħamranin.

Kont smajt jew qrajt li qed jimmoltiplikaw bil-qawwi f’uħud mill-widien tagħna fejn jinġemgħu l-ilmijiet tax-xitwa. Ħarbu jew tħarrbu minn xi akwarjum u fi ftit żmien, sabu fejn jgħixu u jkabbru l-familji tagħhom. Huma fertili ħafna.

Ma immaġinajtx madankollu li l-crayfish jistgħu jkunu daqstant invażivi. Waqt żjara lill-proġett tal-akbar siwi li qed tmexxi l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma f’Wied Qlejja (jew iċ-Chadwick Lakes), bqajt skantat bil-kwantità bla għadd ta’ crayfish li jiżgħudu l-ftit għadajjar ta’ ilma li għad baqa’ fil-qiegħ tal-wied, u bil-bejtiet numerużi tagħhom mal-ġnub tiegħu. Il-popolazzjoni tal-crayfish fil-wied faret u qed teqred l-annimali li kienu hemm qabilhom, fosthom iż-żrinġijiet u f’imkejjen oħra, l-granċijiet tal-ilma ħelu li baqa’ f’Malta. 

Ekonomija

Sport