Thursday, April 25, 2024

L-attur Bob Odenkirk jinsab f’qagħda stabbli wara “inċident relatat mal-qalb”

Aqra wkoll

L-attur Bob Odenkirk magħ­ruf l-iktar għas-sehem tiegħu fis-sensiliet televiżivi Better Call Saul u Breaking Bad jinsab f’qagħda stabbli u dan wara sofra minn “inċident relatat mal-qalb”. L-attur li għandu 58 sena kien ittieħed b’emerġenza l-isptar nhar it-Tlieta li għaddiet wara li kkollassa fuq is-sett tas-sensiela Better Call Saul li kienet qiegħda tinġibet fi New Mexico. It-tifel ta’ Odenkirk, Nate, kiteb fuq il-midja soċjali u kkonferma li missieru “se jkun okay”.

L-attur u l-familja tiegħu rringrazzjaw lil kulħadd għall-appoġġ u ħsieb, kif ukoll kellhom kliem ta’ ringrazzjament għall-ħaddiema tal-isptar li tawh l-għajnuna. 

Bryan Cranston, li kien interpreta l-karattru ewlieni ta’ Walter White fi Breaking Bad, nhar it-Tlieta li għaddiet kien kiteb fuq Instagram fejn talab lill-fanatiċi biex jaħsbu u jgħidu talba għal Odenkirk. L-attur Aaron Paul, li interpreta l-karattru ta’ Jesse Pinkman fi Breaking Bad, tella’ messaġġ fuq il-midja soċjali li kien jgħid “inħobbok ħabib”.

Odenkirk irċieva erba’ nominazzjonijiet Emmy għas-sensiela Better Call Saul li xxandret l-ewwel darba fl-2015 wara li fl-2013 kienet ġiet fi tmiemha s-sensiela Breaking Bad.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport