Minn Cristian Muscat
Meta Floriana FC reġgħu telgħu fuq il-quċċata tal-futbol Malti wara rebħa drammatika ta’ 2-1 fil-Finalissima Malta Premier League bkontra Marsaxlokk FC, il-president Johann Said kien wieħed mill-ewwel li qasam il-ferħ tiegħu mal-plejers u mal-partitarji.
Dan kien is-27 kampjonat fl-istorja tal-klabb, mument li Said iddeskriva bħala “ħolma li saret realtà”.
“Irbaħna t-titlu għas-27 darba u din hija sensazzjoni diffiċli biex tispjegaha,” qal is-Sur Said. “Minn meta kont żgħir kont nappoġġja lil dan il-klabb u dejjem kelli x-xewqa li xi darba nkun parti minn dan is-suċċess bħala president. Illum nista’ ngħid li dik il-ħolma saret realtà.”
Il-finali kienet waħda mimlija tensjoni u mumenti drammatiċi, bi Floriana jiġu minn taħt biex idawru l-logħba fl-aħħar minuti. Said saħaq li dan is-suċċess ma kienx biss frott il-finali, iżda ta’ proċess twil mibni fuq deċiżjonijiet importanti matul l-istaġun.
“Dan it-tim ħadem matul is-sena kollha. Kien hemm mumenti diffiċli, imma dejjem emminna fil-proġett. Meta tkun konsistenti u taħdem bi pjan ċar, ir-riżultati jiġu.”
Huwa spjega wkoll kif it-trasferimenti ta’ Jannar kienu kruċjali biex il-klabb isaħħaħ l-iskwadra u jindirizza nuqqasijiet li kienu ġew identifikati fl-ewwel parti tal-istaġun.
“Iż-żewġ plejers mill-Bosnja, Alen Kurtalic u Kenan Dervisagic, ġew identifikati kmieni biex jagħtuna aktar saħħa fid-difiża u fl-attakk sa minn Jannar li għadda. Imbagħad, meta ġew opportunitajiet għal Paul Mbong u Myles Beerman, aġixxejna malajr. Dawn kienu kollha biċċiet importanti biex kollox jaqa’ f’postu.”
Wara gowl deċiżiv ta’ Dervisagic fil-ħin miżjud, il-president Furjaniż kien ċar li dan it-titlu kien riżultat ta’ xogħol kollettiv u mhux ta’ mument wieħed biss.
“Il-futbol huwa mimli emozzjoni. Tista’ tilgħab tajjeb għal 90 minuta u kollox jinbidel fl-aħħar sekonda. Imma jien nemmen li konna l-iktar tim konsistenti matul l-istaġun kollu.”
Huwa ma naqasx milli jirringrazzja lill-partitarji li kienu parti essenzjali mill-vjaġġ lejn ir-rebħ tal-kampjonat.
“Il-partitarji huma l-qalb ta’ dan il-klabb. Meta tara 6,000 persuna fl-Istadium Nazzjonali jappoġġjawna, tifhem xi jfisser li tkun segwaċi ta’ Floriana. Dan it-titlu huwa tagħhom daqs kemm hu tagħna.”
Wara snin ta’ xogħol fil-kwiet u bini gradwali ta’ proġett sportiv sostenibbli, Johann Said saħaq li dan is-suċċess huwa riżultat ta’ viżjoni ċara u tmexxija stabbli fil-klabb. Huwa qal li meta daħlu fl-istaġun, kienu jafu li mhux se jkun faċli, speċjalment minħabba l-livell għoli ta’ kompetizzjoni fil-kampjonat Malti, iżda l-għan kien wieħed ċar: li Floriana jerġgħu jkunu kompetittivi sal-aħħar.
“Meta tibni skwadra ġdida u timmodernizza staff tekniku, dejjem hemm riskju,” spjega s-Sur Said. “Imma aħna emminna fil-proċess u tajna ċans lix-xogħol isir. Il-plejers irrispondew b’mod mill-aqwa u l-istaff tekniku ħadem bla waqfien.”
Huwa saħaq li wieħed mill-fatturi ewlenin tas-suċċess kien l-armonija interna fil-klabb, kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll f’dak sportiv. Skon hu, meta kulħadd ikun qed jaħdem fl-istess direzzjoni, ir-riżultati jiġu b’mod naturali.
“Il-qawwa ta’ Floriana ma kinetx riflessa biss fil-grawnd. Hija fil-mod kif jaħdem il-klabb kollu. Minn dawk li jorganizzaw, sa dawk li jitħarrġu u jilagħbu. Kulħadd għandu rwol importanti ħafna.”
Is-Sur Said irrefera wkoll għall-mumenti diffiċli matul l-istaġun, fejn il-klabb kellu juri reżiljenza u karattru. Huwa tenna li kien hemm partiti fejn ir-riżultati ma marrux kif mixtieqa, iżda l-iskwadra dejjem sabet mod kif tirreaġixxi.
“Fil-futbol mhux dejjem kollox imur kif tixtieq. Imma dak li jagħmel tim kbir … il-mod kif jirreaġixxi meta jkun taħt pressjoni. Aħna dejjem irrispondejna.”
Il-president enfasizza wkoll l-importanza tal-investiment fit-talent Malti, fejn Floriana komplew juru fiduċja fi plejers żgħażagħ fejn eventwalment jiżviluppawhom f’ambjent kompetittiv.
“Għandna obbligu lejn il-futbol Malti li nagħtu opportunitajiet. Meta tara żgħażagħ jikbru u jsiru parti mill-ewwel skwadra, ikun hemm sodisfazzjon kbir.”
Huwa żied jgħid li dan it-titlu mhux biss jirrappreżenta suċċess sportiv, iżda wkoll riflessjoni tal-istrateġija fit-tul tal-klabb.
“Dan il-kampjonat juri li qed naħdmu fid-direzzjoni l-ġusta. Mhux biss biex nirbħu llum, iżda biex nibnu futur b’saħħtu għal Floriana.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, is-Sur Said reġa’ saħaq li l-mira tal-klabb mhix se tieqaf hawn, u li s-suċċess irid ikun il-bidu ta’ kapitlu ġdid u aktar ambizzjuż, kemm domestikament kif ukoll fil-kompetizzjonijiet Ewropej li ġejjin.
Huwa tkellem ukoll dwar il-bilanċ bejn suċċess u responsabbiltà, speċjalment hekk kif il-klabb issa se jerġa’ jirritorna fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
“Dan huwa klabb storiku. Ir-responsabbiltà tagħna hija li nibqgħu kompetittivi u nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess. L-Ewropa se tkun sfida differenti, imma aħna lesti.”
Is-Sur Said temm jgħid li dan it-titlu għandu tifsira personali kbira għalih, mhux biss bħala president iżda wkoll bħala partitarju li dejjem emmen fil-klabb.
“Irrid niddedika dan is-suċċess lill-familja tiegħi u lill-partitarji kollha ta’ Floriana. Huwa mument li nibqa’ nġorr miegħi għal dejjem.”

