Wednesday, May 20, 2026

34,000 pensjonant ieħor jirċievu aktar minn €20 miljun bejniethom

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon ħabbar illi fi tmiem ix-xahar ta’ Mejju qed jingħalqu diversi proċessi ta’ aġġustament li wasslu għal aktar titjib fid-dħul tal-pensjonanti.

Dawn primarjament jolqtu lil sezzjoni ta’ pensjonanti mwielda qabel l-1962 u li magħhom kienet saret inġustizzja, pensjonanti romol u oħrajn tas-servizz.

Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li aktar minn 34,000 pensjonant bejniethom se jirċievu €20.5 miljun oħra,  minbarra ż-żidiet li ħadu mill-bidu tas-sena. “Il-kelma tagħna hija kuntratt, dak li wegħedna wettaqnieh u morna oltre,” stqarr il-Ministru Falzon.

Huwa spjega dwar kif prattikament tlesta l-proċess tal-aġġustament ta’ din is-sena għall-pensjonanti mwielda qabel l-1962. Dawn il-pensjonanti ilhom mill-2024 iggarantiti żieda bażika daqs dawk imwielda fl-1962 jew wara. U b’hekk tissewwa l-inġustizzja li nħolqot fl-2006 bejn il-pensjonanti mwielda qabel u wara l-1962.

Bħala parti mill-proċess ta’ aġġustament pensjonanti mwielda qabel l-1962 u lid-dħul pensjonabbli tagħhom huwa ogħla mis-ceiling kif qed ikun rivedut, qed jieħdu żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom. B’kollox minn din il-miżura qed jibbenefikaw madwar 20,000 pensjonant, inkluż pensjonanti romol, li bejniethom din is-sena se jirċievu €16.5 miljun.

Meta dan il-proċess jintemm sentejn oħra, l-ogħla dħul pensjonabbli ta’ dawk li kienu milquta bl-inġustizzja li saret se jkun l-istess għall-pensjonanti kollha, irrispettivament minn meta twieldu.

Il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar iż-żieda addizzjonali għal Pensjonanti Romol, fejn dan il-proċess se jintemm fix-xhur li ġejjin u se jwassal biex il-pensjonanti romol kollha jibdew jirċievu l-istess rata ta’ pensjoni li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom kieku għadhom ħajjin. Madwar 7,000 armla qed igawdu minn dan id-dħul addizzjonali li b’kollox din is-sena jammonta għal madwar €2.5 miljun.

Intant tlesta wkoll il-proċess li bih l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz, li ma jiġix kkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, jiżdied b’€200 oħra għal €3,866.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport