Wednesday, May 20, 2026

Partit Laburista fil-Gvern jgħin lill-istudenti jtejbu l-ħiliet tagħhom

Aqra wkoll

Waqt żjara dalgħodu fil-Junior College l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddiskuta l-miżuri li jolqtu liż-żgħażagħ u l-istudenti li għandu l-Partit Laburista fil-manifest elettorali Int Malta. Dawn il-proposti huma mmirati sabiex l-istudenti jkunu jistgħu itejbu l-ħiliet tagħhom.

Fiż-żjara mal-Prim Ministru Robert Abela kien hemm id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-kandidati Samantha Pace Gasan u Georvin Bugeja.

Dr Abela qal li Gvern Laburista ġdid jerġa’ jżid l-istipendju bi 15% filwaqt li jibda proċess sabiex it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol jiġi rikonoxxut fil-liġijiet tax-xogħol ta’ pajjiżna. Din il-miżura se twassal biex dawk l-istudenti li jieħdu sehem f’internships u traineeships jirċievu ħlas xieraq tal-ħidma tagħhom.


Waqt li kien qed jiddiskuti l-proposti tal-Partit Laburista, Dr Abela spjega kif iż-żagħażagħ mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €30,000 kull sena fl-ewwel tliet snin li jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew inkella jwaqqfu start-up.

Proposti oħrajn li tħabbru għall-istudenti jinkludu:

– Studenti li se jmorru għal Erasmus se jirċievu għotja ta’ €1,000.

– Jitħallsu l-ispejjeż inizjali ta’ scholarships għal Masters jew Dottorat għal dawk li ma jkollhomx biżżejjed flus relatati mal-istudji tagħhom sakemm jirċievu l-għajnuna mingħand il-Gvern.

– Programm ta’ mentorship bis-sehem ta’ imprendituri lokali biex iż-żgħażagħ ikollhom l-għarfien meħtieġ biex jibnu n-negozji tagħhom.

– Tissaħħaħ l-iskema Youth Volunteer Scheme sabiex aktar żgħażagħ Maltin u Għawdxin jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn xtutna.

– Se jitnieda l-Individual Learning Accounts bil-Gvern jiftaħ fond għal kull tifel u tifla f’pajjiżna u jikkontribwixxi €500 fis-sena għal għaxar snin. Dawn il-fondi se jkunu jistgħu jintużaw biex ikopru sa massimu ta’ €5,000 tal-ispiża relatata ma’ korsijiet edukattivi, taħriġ akkreditat u inizjattivi ta’ upskilling. Dawn il-fondi jkunu aċċessibbli mat-tmiem tal-perkors edukattiv tal-persuna.

– Żgħażagħ li jwaqqfu start-up se nipprovdulhom servizz ta’ assistenza legali b’xejn u neżentawhom milli jħallsu l-miżati tal-Malta Business Registry fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tan-negozju tagħhom.

– Iż-żagħażagħ se jingħataw inċentivi għola sabiex jużaw mezzi ta’ trasport alternattivi.

– Arts Pass – kreditu ta’ €200 fis-sena lil żgħażagħ bejn 18 u 21 sena biex jattendu avvenimenti kulturali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport