Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri mmarka f’isem il-Gvern it-trasferiment ta’ faċilità ġdida minn INDIS lill-STMicroelectronics f’Ħal Kirkop, li se tara investiment strateġiku li se jkun qed ikompli jqiegħed lil Malta fil-qalba tal-industriji li qed isawru dinja ta’ għada.
B’investiment kumplessiv ta’ €250 miljun, il-proġett tal-STMicroeletronics issa għadda għall-fażi li jmiss. Dan l-investiment, l-akbar investiment dirett barrani f’pajjiżna, qed issir b’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u STMicroelectronics, u se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru kompetittiv għall-industrija avvanzata.
Din il-fabbrika ġdida se tkun ibbażata fuq teknoloġija avvanzata, awtomazzjoni u robotika, u se ssaħħaħ l-irwol ta’ pajjiżna fil-manifattura teknoloġika ta’ valur għoli.
Il-Prim Ministru spjega li l-faċilità se tipproduċi komponenti u microchips fost l-aktar avvanzati għas-suq internazzjonali u li jintużaw f’oqsma varji bħas-satelliti, l-ajruplani u tagħmir elettroniku ieħor. Minn dan l-operat se naraw żieda fil-valur tal-produzzjoni tagħna u se nkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li kapaċi jilqa’ u jsostni l-ogħla livelli ta’ manifattura teknoloġika.
Dr Abela enfasizza li l-avvanz fit-teknoloġija tfisser li l-ħaddiema se jkollhom iktar għodda biex iżidu l-produzzjoni permezz tal-automation, imma tfisser ukoll aktar taħriġ, ħiliet ġodda, karrieri aktar b’saħħithom u pagi aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru rrimarka li dan huwa l-mudell ekonomiku li jemmen fih il-Gvern, mudell li jiffoka mhux biss fuq in-numru ta’ impjiegi, iżda fuq il-kwalità tal-impjiegi.
Huwa qal li l-progress li qed naraw illum huwa frott ta’ trasformazzjoni ekonomika li pajjiżna wettaq matul dawn l-aħħar 13-il sena. Trasformazzjoni mibnija fuq il-ħarsien tal-industrija, l-investiment fin-nies u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija. Dan sar permezz ta’ politika li bniet il-fiduċja, ħolqot stabbiltà, tat direzzjoni ċara u attirat investiment barrani ta’ kwalità, filwaqt li ħeġġet ukoll lil min diġà kien stabbilit f’Malta biex ikompli jinvesti aktar.
Semma wkoll il-ħidma li saret biex pajjiżna jibni ekosistema b’saħħitha fil-qasam tal-microchips, fosthom permezz ta’ Malta Enterprise, is-sehem fl-IPCEI Ewropew dwar is-semikondutturi, il-kollaborazzjoni ma’ IMEC u l-iżvilupp ta’ competence centre nazzjonali għaċ-chips.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq li dan il-proġett huwa xhieda ċara tal-fiduċja li l-kumpaniji globali għandhom fil-kapaċitajiet ta’ Malta. “Dan l-investiment huwa vot ta’ fiduċja fil-poplu tagħna u f’pajjiżna. Qed ngħollu l-livell tal-manifattura avvanzata f’pajjiżna sabiex inkunu minn ta’ quddiem fis-settur tas-semikondutturi, li huma tant essenzjali għall-apparat mediku, il-vetturi elettriċi u s-sistemi avvanzati tal-enerġija. F’xenarju globali kompetittiv, Malta qed tkompli tattira investiment ta’ kalibru li joffri serħan il-moħħ u karrieri b’pagi tajbin,” sostna l-Ministru Schembri.
“Dan it-tragward jallinja eżattament ma’ Viżjoni Malta 2050. Bħala Gvern, qed nixprunaw b’mod attiv l-ekonomija tagħna lejn investimenti ta’ valur għoli, mibnija fuq l-innovazzjoni diġitali. Dan għaliex il-ħidma lejn manifattura intelliġenti xprunata mill-Intelliġenza Artifiċjali tassigura li l-ħaddiema tagħna jkunu impenjati f’xogħol ta’ kwalità għolja u li joħloq karrieri reżiljenti għall-futur b’paga tajba,” żied il-Ministru Schembri.
Il-General Manager ta’ STMicroelectronics Laurent Filipozzi qal li l-inawgurazzjoni tal-lum qed timmarka pass importanti ieħor lejn kollaborazzjoni dewwiema bejn ST u Malta. “Bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni kontinwa min-naħa tal-Gvern, Malta Enterprise, INDIS u l-awtoritajiet Maltin, qed insaħħu l-preżenza ta’ ST f’Malta u nibnu l-faċilitajiet li huma meħtieġa għall-futur tal-manifattura avvanzata,” saħaq Laurent Filipozzi.
Il-proġett KK3 ta’ STMicroelectronics jirrappreżenta investiment ta’ €250 miljun u twettaq fuq perjodu ta’ 18-il xahar. Il-faċilità se tinkludi spazji ta’ produzzjoni avvanzata, infrastruttura għall-cleanrooms, sistemi moderni mekkaniċi u elettriċi, u sistemi ta’ loġistika interna mmexxija bit-teknoloġija.

