Wednesday, April 24, 2024

“IBQGĦU VIĊIN IN-NIES”

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li għadda, attendejt għall-attività tal-Prim Ministru Robert Abela f’għeluq is-sentejn mill-ħatra tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista u anke bħala Prim Ministru ta’ Malta. Kienet attività organizzata tajjeb ħafna, b’intervista fejn il-Prim Ministru spjega b’mod ċar kull mistoqsija li saritlu. Sarulu ħafna mistoqsijiet diretti imma dejjem ta risposta ċara bi spjegazzjoni daqstant ċara biex il-poplu jifhem. Hawnhekk joħroġ il-kobor tiegħu bħala Mexxej li kapaċi jmexxi għax jaf eżatt x’irid jagħmel.

Iddiskuta diversi temi matul din l-intervista, fosthom dak li għaddejna minnu dawn l-aħħar sentejn fi żmien il-pandemija. Fisser li għalkemm ma konitx fa1li minħabba ċ-ċirkostanzi, xorta waħda l-Gvern ħadem ħafna u tejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. 

Matul dan iż-żmien, il-Gvern kien hemm biex iwennes lin-negozjanti, kif ukoll lill-ħaddiema. Dan il-Gvern daħal biex jipproteġi lil kulħadd. Protega n-negozji, lill-ħaddiema, l-familja, ż-żgħażagħ, l-anzjani u lit-tfal. Gvern li bil-għaqal tiegħu rnexxielu li jkollu biżżejjed flus sabiex meta ġie l-għawġ, dan it-tfaddil ġie nvestit lura għand in-nies. Dan huwa l-mod kif Gvern serju mmexxi minn Mexxej għaqli, jagħmel il-politika. Pajjiżi oħra barranin gew kostretti jaghzlu politika t’awserità.

“Ibqgħu viċin in-nies”

Matul din l-intervista, l-Prim Ministru għamel aċċenn qawwi dwar kemm hu importanti li kull politiku nkunu viċin in-nies. Fil-verità ilu ħafna jisħaq fuq dan il-kunċett u f’kull ċans li jkollu jerġa’ jappella lil kull kull persuna fi ħdan il-Partit biex inkunu mal-poplu l-ħin kollu. 

Jien nista’ nifhem fejn irid jasal il-Prim Ministru għax neżerċita dan il-privileġġ kuljum. 

Il-pandemija ma tantx ħallitilna spazju biex niltaqgħu minħabba numru ta’ restrizzjonijiet biex innaqsu t-tixrid. Madanakollu, jien qiegħed inżur lill-familjji fid-djar tagħhom u nqattgħu ftit ħin naqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin. Il-media soċjali ukoll għenet ħafna biex inżommu kuntatt flimkien u forsi għal xi wħud iħossuhom komdi jagħmlu dan mil-kumdità ta’ darhom. Ikun x’ikun il-mezz ta’ komunikazzjoni, l-importanti li kull politiku jżomm il-kuntatt man-nies u jħoss il-polz tal-poplu kollu.

Huwa b’dan il-mod li l-Prim Ministru u l-Partit Laburista qiegħed dejjem iġib maġġoranzi kbar meta joħroġ xi sondaġġ jew ieħor. Il-poplu grat lejn il-ħidma li qegħdin inwettqu flimkien f’kull faxxa tas-soċjetà biex nassiguraw li l-Gvern qiegħed hemm għal kulħadd bħala tarka u sostenn meta l-aktar li jkollu bżonn.

Kull kampanja titlaq xejn b’xejn

Il-Prim Ministru fakkarna wkoll biex il-figuri nkoraġġanti li qed jiġu ppublikati mis-sondaġġi, wiehed wara l-ieħor ma jitilgħux għal rasna. Anzi bil-maqlub. Irridu nkunu iktar saqgħajna mal-art u nerfgħu ir-responsabilità li l-elettorat qiegħed jgħaddilna. 

F’dan is-sens il-Prim Ministru wera l-umiltà tiegħu li jibqa’ grat lejn il-poplu u l-fiduċja li qiegħed itih. 

Niftakru l-oppożizzjoni b’kilba għall-poter u jaħsbu li huma biss kapaċi jiggvernaw. Illum dan il-karattru juruh biċ-ċar internament fil-partit tagħhom, għax filwaqt li mhux jemmnu li jistgħu jirbħu l-elezzjoni, infexxew f’attakki personali u jiġġieldu bejniethom.

Aħna differenti. Robert Abela irnexxielu jġib lil kulħadd miegħu jiġbed ħabel wieħed. L-għan tagħna mhuwiex li tiġi l-elezzjoni imma li nibqgħu naqdu l-missjoni tagħna u naħdmu favur Malta u l-Maltin. 

Meta tiġi l-elezzjoni, aħna ser immorru quddiem il-poplu u nuruh ix-xogħol kollu li għamilna f’din il-leġislatura. Ħdimna u l-poplu esperjenza dan kull sena inkluż l-aħħar xhur diffiċli tal-pandemija. Minkejja d-diffikultajiet, dan il-Gvern ra kif itejjeb il-ħajja tal-penzjonanti, persuni b’diżabilita’ u oħrajn bi dhul baxx b’għajnuniet fil-housing socjali. 

Ħadna ħsieb is-saħħa tan-nies u preservajna x-xogħol. Ħadna l-aktar deċiżjonijiet importanti u wennisna l-familji, l-ħaddiema u l’min iħaddimhom. Ħabbarna budgets bla taxxa imma fuq kollox ħriġna skemi soċjali fejn tajna iktar flus fil-bwiet tan-nies. 

Għalhekk il-poplu jafdana. Il-poplu jaf li aħna l-għażla naturali tagħhom. Minkejja dan kollu, kif qal il-Prim Ministru  ‘kull kampanja titlaq xejn b’xejn’. Din hi l-verità! Ma nistgħux inserħu rasna li l-elezzjoni ġenerali li jmiss erbaħnieha mingħajr għadna lanqas biss tħabbret, jew inkella mmorru għaliha mingħajr impenn. Anzi għall-kuntrarju irridu naħdmu iktar u nikkonvinċu iktar nies.

Irridu naraw min huma dawk in-nies li stajna nqasna u naraw x’għandhom bżonn. Il-messaġġ tagħna irid jasal bl-aktar mod ċar sabiex nispjegaw lill-poplu x’għamilna u x’fadlilna nagħmlu. Importanti li l-elettorat ikollu idea ċara tal-viżjoni tagħna u fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż fiż-żmien li ġej.

Jien ottimist li b’Robert Abela bħala Prim Ministru, Malta tibqa’ miexja l’quddiem. Diġa uriena kemm huwa kaptan tajjeb fil-maltemp aħseb u ara x’ġid jista’ jagħmel iktar meta fiż-żmien li ħej nerġgħu niġu għan-normalità.

Ingħaqdu magħna, mexxu l-kelma, wasslu l-messaġġ pożittiv tal-Partit ħalli lkoll flimkien tiġi meta tiġi l-elezzjoni nkunu lesti u kapaċi nagħtu rigal ta’ ringrazzjament lil Robert Abela tax-xogħol li wettaq u għodda biżżejjed biex flimkien mat-tim tiegħu jaħdem għall-ġid ta’ Malta fil-leġiżlatura li jmiss.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Sport