Sunday, December 1, 2024

“Id-deċiżjonijiet, ibsin kemm huma ibsin, se nibqa’ neħodhom kif dejjem għamilt”- il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kienet ġimgħa fejn kellna nieħdu deċiżjonijiet kbar li kienu ispirati mill-prinċipju li aħna l-politiċi qegħdin hawn biex niksbu l-ġid għalikom u għal ħadd iżjed, biex inwettqu dejjem is-sewwa. Id-deċiżjonijiet, ibsin kemm huma ibsin, neħodhom u se nibqa’ neħodhom kif dejjem għamilt.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta aktar kmieni kien qed jindirizza attività politika bit-tema “Inġeddu Malta Pajjiżna” f’lukanda ewlenija fl-Imġarr, Għawdex.

Dr Abela beda billi rrefera għar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li sab ksur ta’ etika. Waqt li semma kif l-azzjonijiet li kellu jieħu, ħadhom tliet snin ilu, qal li meta ħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju kien ċar li b’rabta ma’ dak ir-rapport kien se joqgħod għal dak li jiddeċiedi l-Kumitat Parlamentari.

“Wara kollox għalhekk il-liġi tal-istandards taħseb għal diversi stadji ta’ dan il-proċess. Dak il-proċess ħa l-kors tiegħu. Intalab ukoll li jintraddu lura flus li tħallsu lura żejda, kif fil-fatt sar,” tenna l-Prim Ministru li fakkar ukoll li dan huwa proċess ta’ skrutinju li introduċa Gvern Laburista. “Daħħalnieh b’liġi li hija maqbula bejn iż-żewġ naħat. Huma standards u liġijiet ġodda li qabel ma kellniex. Fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kellek politiċi li kienu insindakaballi, ma seta’ jiskrutinjahom ħadd.”

Il-Prim Ministru tenna li filwaqt li l-każ li għamel referenza għalih issa ġie fi tmiemu, fl-istess jiem feġġew ċirkostanzi differenti li kienu jeħtieġu deċiżjoni politika ċara għax fin-nuqqas ta’ dan, kienu se jtappnu r-relazzjoni ta’ fiduċja li qal li għadhom mal-poplu. “Fiduċja li jiena nemmen li rridu nibqgħu nrodduha b’servizz lejkom u lejn il-pajjiż.”

Huwa qal li kien dak li wassal għar-riżenja ta’ Clayton Bartolo li ta ħafna fis-settur tat-turiżmu iżda li f’dawk iċ-ċirkostanzi ġodda u f’dak il-mument, ir-riżenja tiegħu kienet meħtieġa.

“Meta jkollok ċirkostanzi bħal dawn wieħed għandu d-dritt li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu, iżda l-poplu għandu wkoll id-dritt li l-gvern jibgħatlu messaġġ ċar li ħidmietu hija ffokata biss fuq is-servizz li aħna rridu nagħtu lill-poplu. Hekk kif wara kollox urejna fil-budget li għadda, li huwa l-aktar wieħed b’saħħtu li qatt kellna u dan meta għadna f’nofs il-leġiżlatura,” tenna l-Prim Ministru.

Għalhekk saħaq li ma jistgħu jħallu xejn li jtappan dik il-fiduċja reċiproka li hemm bejn il-Gvern u l-poplu. Tenna illi iebsa kemm huma iebsa d-deċiżjonijiet, anke għalih b’mod personali, meta meħtieġa jridu jibqgħu jittieħdu.

“Għax aħna ningħataw dik il-fiduċja minnkom biex naħdmu għalikom. Dik il-fiduċja rridu nibqgħu nseddquha jum wara l-ieħor. Dan kollu f’kuntest ta’ Oppożizzjoni li mehdija fil-partiġġjaniżmu biex mingħalihom jipprovaw jiskurjaw xi punti politiċi,” qal Dr Abela.

“Mhu se nħallu lill-ebda Oppożizzjoni dilettanteska tipperikola l-ġid kollu li wettaqna”. Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li dak l-impenn għax-xogħol, dik il-grinta u l-enerġija jrid jara li tibqa’ tissaħħaħ. “Għaliex aħna rridu u se nerġgħu nkunu rebbieħa bis-saħħa. Dak il-ġid kollu li wettaqna, u dak il-ġid kollu li għad irrid nwettqu għal dan il-pajjiż, mhu se nħallu lill-ebda Oppożizzjoni dilettanteska tipperikolaha.”

Dr Abela rrikonoxxa li żbalji saru iżda kull meta kien hemm bżonn, dejjem ħa l-passi meħtieġa biex il-ħidma tal-Gvern tkun tista’ tkompli miexja ‘l quddiem. Qal li biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jkun kredibbli jrid jieħu passi fuq dawk il-Membri Parlamentari fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li jaħdmu mal-Gvern u allegatament ilhom snin ma jmorrux għax-xogħol.

Kellu jkun Gvern Laburista li jsalva u jipproteġi lil Ħondoq ir-Rummien
Huwa tkellem ukoll dwar Għawdex fejn qal li kellu jkun Gvern Laburista li jsalva u jipproteġi lil Ħondoq ir-Rummien. “Ilqajt l-aħbar li b’deċiżjoni tal-ERA l-ordni ta’ protezzjoni dwar Ħondoq hi ssiġġilata darba għal dejjem, li Ħondoq issa verament huwa protett minn kull żvilupp.”

“Dawk huma d-deċiżjonijiet favur Għawdex, favur l-imħabba għal din il-gżira. Tant nemmen fl-Għawdxin. Għalhekk dan il-Gvern għandu fil-Kabinett tiegħu l-akbar ammont ta’ Ministri Għawdxin illi qatt kellna fl-istorja.”

Kien hawn fejn għamel referenza għal Deputati u attivisti oħra li dejjem ħadmu favur Għawdex. Semma lil Justyne Caruana u filwaqt li ringrazzjaha tal-preżenza tagħha f’din l-attività politika, qal li jibqa’ jemmen li Għawdex u Malta għad għandhom bżonn il-kontribut tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport