Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg laqa’ 138 tobba gradwati ġodda li qed jibdew jaħdmu u jagħmlu t-taħriġ fl-isptarijiet u faċilitajiet tas-saħħa oħra tal-Gvern bħala parti mill-Malta Foundation Programme.
Permezz ta’ dan il-programm ta’ sentejn, dawn it-tobba, il-maġġoranza kbira tagħhom gradwati Maltin ta’ din is-sena, u oħrajn minn pajjiżi Ewropej, se jaħdmu u jieħdu taħriġ kliniku taħt is-superviżjoni ta’ diversi professjonisti, fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet u faċilitajiet oħra tas-saħħa tal-Gvern, fosthom dawk tal-kura primarja. Fl-istess waqt, ikollhom aktar tagħlim strutturat u valutazzjonijiet kontinwi, sabiex isaħħu l-karrieri ġodda tagħhom fis-servizzi tas-saħħa.
Waqt il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru Borg feraħ lil dawn it-tobba fil-bidu ta’ din il-fażi importanti tal-formazzjoni professjonali tagħhom. Huwa rringrazzjahom tal-impenn tagħhom lejn il-professjoni u lejn il-pazjenti.
“Il-Gvern qed ikompli jinvesti fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa sabiex nibqgħu intejbu l-kura u l-ħarsien lill-pazjenti tagħna u għalhekk inħares ’il quddiem li nerġa’ niltaqa’ ma’ dawn it-tobba waqt li jkunu qed jagħtu s-servizz tagħhom, filwaqt li nibqgħu nappoġġjawhom fiż-żmien li ġej,” stqarr Dr Borg,
Il-Malta Foundation Programme, li jitmexxa mill-Ministeru għas-Saħħa, igawdi minn assigurazzjoni ta’ kwalità mill-Kunsill Mediku Malti, filwaqt li huwa wkoll affiljat mal-Foundation Programme tar-Renju Unit, bl-istess livell għoli ta’ kurrikulu u standards. Din is-sena l-Programm qed jilqa’ 138 tabib, li minnhom 114 huma gradwati mill-Gżejjer Maltin, 19 mill-Ungerija, erba’ mill-Polonja u wieħed mill-Ġermanja.
