Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żvela l-proposti tad-disinn preselezzjonati għas-serje li jmiss tal-karti tal-flus tal-ewro u nieda stħarriġ pubbliku li jistieden linnies madwar l-Ewropa biex jipprovdu l-feedback tagħhom.
Dawn il-proposti ta’ disinn huma bbażati fuq żewġ temi differenti – “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” – u fuq il-motifi assoċjati magħżula biex jesprimuhom. “Il-karti tal-flus tal-ewro huma aktar minn mezz ta’ ħlas – huma waħda mill-aktar espressjonijiet tanġibbli talEwropa,” qalet Christine Lagarde, il-President tal-BĊE.
“Permezz ta’ disinji li jikkombinaw is-sbuħija u t-tifsira, dawn se jsaħħu l-identità kondiviża tagħna.” Il-proposti magħżula huma r-riżultat ta’ konkors tad-disinn li sar madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Intbagħtu aktar minn 1,200 applikazzjoni minn disinjaturi grafiċi, li 25 minnhom ġew mistiedna joħolqu proposti ta’ disinn għal tema waħda jew għat-tnejn li huma.
Ġurija indipendenti magħmula minn 21 espert f’oqsma differenti, bħad-disinn grafiku, il-komunikazzjoni, in-newroxjenza u l-istorja, b’kull espert jiġi nnominat minn bank ċentrali taż-Żona Ewro, imbagħad għamlet preselezzjoni ta’ għaxar proposti ta’ disinn. Issa, kulħadd fl-Ewropa huwa mistieden jgħid tiegħu, wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jmexxi stħarriġ online dwar dawn l-għaxar proposti ta’ disinn.
L-istħarriġ pubbliku se jibqa’ miftuħ sal-21 ta’ Settembru 2026. Se jsir stħarriġ separat bl-istess mistoqsijiet b’mod parallel minn kumpanija ta’ riċerka indipendenti fost kampjun rappreżentattiv ta’ ċittadini taż-Żona Ewro. Il-BĊE se jippubblika rapport dwar ir-riżultati tażżewġ stħarriġiet ladarba jintgħażel il-kunċett tad-disinn finali. Il-feedback tal-pubbliku huwa element ewlieni tal-approċċ inklużiv tal-Eurosistema, li jiżgura li jitqiesu l-fehmiet taċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha.
Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jieħu d-deċiżjoni finali dwar id-disinn ilġdid tal-karti tal-flus għallħabta tal-aħħar tas-sena. Se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq taħlita ta’ inputs, inklużi l-konklużjonijiet tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn, valutazzjoni teknika u r-riżultati taż-żewġ stħarriġiet. Id-disinn magħżul imbagħad jgħaddi żvilupp u ttestjar ulterjuri qabel ma jidħol fil-fażi tal-produzzjoni.
Il-karti tal-flus mis-serje l-ġdida huma mistennija li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni fissnin ta’ wara. Il-karti talflus tal-ewro mis-serje preċedenti se jżommu l-valur tagħhom u jkomplu jiċċirkolaw flimkien mas-serje l-ġdida. Dan se jkun l-ewwel disinn mill-ġdid sħiħ tal-karti tal-flus tal-ewro sa mill-ħruġ tagħhom fl-2002.
“Id-disinn mill-ġdid talkarti tal-flus tal-ewro huwa parti minn sforz fit-tul tal-Eurosistema biex tiżgura li l-flus kontanti jibqgħu mezz ta’ ħlas sigur, effiċjenti u relatabbli, li jippreserva l-aċċess taċ-ċittadini għall-flus pubbliċi u l-libertà tagħhom li jagħżlu kif iħallsu,” qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE Piero Cipollone.
Il-ħruġ perjodiku ta’ serje ġdida ta’ karti tal-flus jagħmilha possibbli li jittieħed vantaġġ mill-avvanzi fit-teknoloġija biex wieħed jibqa’ pass ’il quddiem mill-iffalsifikar. Il-karti talflus il-ġodda se jinkorporaw karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda u mtejba biex itejbu l-faċilità tal-awtentikazzjoni u l-aċċessibbiltà, anke għall-persuni b’vista batuta.
Il-BĊE qed jimmira wkoll li jnaqqas l-impronta ambjentali tal-karti tal-flus billi jtejjeb id-durabbiltà tagħhom u juża materjali u proċessi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli.
