Fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi, il-Ħamis 13 ta’ Awwissu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, ħeġġeġ biex aktar persuni jirreġistraw biex ikunu donaturi tal-organi wara mewthom, hekk kif fakkar li donatur wieħed jista’ jgħin biex jiġu salvati sa tmien ħajjiet.
Waqt laqgħa ma’ persuni li rċevew trapjant, donaturi tal-organi rreġistrati u familji ta’ donaturi tal-organi, Dr Borg tkellem dwar it-tbatija li jiffaċċjaw pazjenti meta jqattgħu żmien twil jistennew trapjant. Għal uħud, l-istennija jaf tkun twila wisq. Fl-2024, 8,591 pazjenti madwar l-Ewropa mietu waqt li kienu qed jistennew trapjant, u dan ikompli jikkonferma l-ħtieġa urġenti li aktar persuni jirreġistraw bħala donaturi.
Qraba ta’ donaturi tal-organi tkellmu dwar l-appoġġ li rċevew mill-ħaddiema tal-isptar wara li saru jafu li l-organi tal-għeżież tagħhom li tilfu ħajjithom setgħu jingħataw biex jgħinu lil pazjenti oħrajn. Spjegaw is-sens ta’ konnessjoni u ferħ li ħassew meta rċevew ittri anonimi ta’ ringrazzjament mingħand persuni li rċevew trapjant u li ħajjithom setgħu jiġu salvati permezz ta’ dawn id-donazzjonijiet.
“Meta nirreġistraw bħala donaturi tal-organi, inkunu qed insalvaw il-ħajja ta’ oħrajn fil-futur – u dan huwa forsi l-akbar legat li nistgħu nħallu warajna,” qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li esprima l-ammirazzjoni tiegħu lejn id-donaturi rreġistrati, lejn dawk li wara mewthom taw diversi organi, kif ukoll donaturi ħajjin li jagħtu kilwa jew parti mill-fwied tagħhom lil pazjenti li jkollhom bżonn trapjant.
Huwa rringrazzja wkoll lil dawk kollha li jaħdmu biex iqajmu aktar kuxjenza dwar l-importanza tad-donazzjoni tal-organi, fosthom il-ħaddiema tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, il-membri tat-Transplant Support Group, u uffiċjali mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, fost oħrajn.
Dr Borg ħeġġeġ lill-familji f’Malta u Għawdex biex ma joqgħodux lura milli jiddiskutu d-deċiżjoni li jsiru donaturi tal-organi, sabiex jirregalaw il-ħajja wara l-mewt. Reċentement, l-introduzzjoni ta’ reġistrazzjoni sigura online permezz tas-sit organdonation.gov.mt għamlet il-proċess saħansitra aktar faċli, hekk kif persuna tista’ tirreġistra fi ftit minuti permezz tal-e-ID.
Fi tmiem il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru, li fil-passat kien diġà ssieħeb fl-iskema volontarja tad-donaturi tal-organi li kienet teżisti qabel, issottometta r-reġistrazzjoni tiegħu biex isir donatur tal-organi rreġistrat uffiċjalment skont il-liġijiet attwali.
Imwaqqaf fl-2016, ir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani bħalissa jinkludi 30,548 donaturi tal-organi rreġistrati. Matul dawn l-aħħar sentejn u nofs, aktar minn 2,410 persuni ssieħbu fir-Reġistru, wara diversi inizjattivi ta’ għarfien mill-awtoritajiet tas-saħħa, mit-Transplant Support Group u minn organizzazzjonijiet oħra.
Ir-Reġistru, li jitmexxa mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, huwa rendikont legali uffiċjali tax-xewqat tal-individwi dwar id-donazzjoni tal-organi. L-għan tiegħu huwa li jirrispetta l-awtonomija personali, jipprovdi ċarezza lill-professjonisti tas-saħħa, u jiffaċilita d-donazzjoni sigura u etika ta’ organi u tessuti għal skopijiet ta’ trapjant. Ir-Reġistru ssostitwixxa l-iskema preċedenti tad-donaturi tal-organi, li ma kellhiex validità legali.
Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 13 u 14 ta’ Awwissu, bejn id-disgħa ta’ filgħodu u n-nofs siegħa ta’ waranofsinhar, il-pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ membri tat-Transplant Support Group, fid-daħla ewlenija tal-Isptar Mater Dei, sabiex isiru jafu aktar dwar id-donazzjoni tal-organi u jirreġistraw biex isiru donaturi wara l-mewt.

