Żagħżugħ jeħel sentejn ħabs sospiżi talli xerred materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal 

Il-Qorti qalet li l-imputat kien għadu minorenni meta wettaq ir-reati u qieset il-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija 

Aqra wkoll

Żagħżugħ li ammetta li kellu u xerred materjal ta’ abbuż sesswali fuq tfal, inkluż materjal li juri tfal taħt id-disa’ snin u tfal suġġetti għal abbuż estrem, ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin. 

Il-każ beda wara li l-iskwadra tal-Pulizija kontra r-reati online rċeviet rapport min-National Centre for Missing and Exploited Children (NCMEC) dwar account ta’ Google li kien qed jintuża biex jittella’ materjal sesswali li jinvolvi minuri. 

Minn stħarriġ li sar, ġie stabbilit li l-email address kien jgħajjat lill-imputat, filwaqt li l-IP address kien jintuża mir-residenza tiegħu.

Waqt it-tfittxija li saret mill-Pulizija, ġew elevati mobile phone u tablet tal-imputat. Minn dawn instabet kwantità ta’ materjal pornografiku li jikkonċerna minuri.

L-imputat ammetta għall-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu fit-tieni seduta.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ikkunsidrat il-fedina penali netta tiegħu u l-fatt li meta kkommetta dawn ir-reati huwa stess kien għadu minuri.

Ġie nnutat ukoll li l-imputat ikkollabora bis-sħiħ mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet.

Għaldaqstant, il-Qorti kkundannat lill-imputat għal sentejn priġunerija sospiżi għal żmien erba’ (4) snin.

Il-Qorti ordnat il-konfiska u d-distruzzjoni tal-mobile, tablet u charger użati sabiex jiġu kommessi r-reati.

Il-Qorti ordnat li isem il-ħati jitniżżel fir-Reġistru tal-persuni li wettqu reati sesswali.

Minħabba li l-imputat kien għadu minuri meta seħħew ir-reati, il-Qorti ordnat id-divjett tal-pubblikazzjoni ta’ isem il-ħati fuq il-media u fuq il-mezzi soċjali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport