Is-Sinjura Caroline Veranneman hija r-rebbieħa tal-Premju għall-Ħaddiem tas-Sena fit-Turiżmu f’Għawdex għal din is-sena.
Hija kienet fost diversi ħaddiema u negozji fit-turiżmu li ġew rikonoxxuti għall-kisbiet tagħhom fl-industrija matul iċ-ċerimonja tal-Premjijiet tat-Turiżmu f’Għawdex, organizzata mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) aktar kmieni din il-ġimgħa fl-Mġarr, Għawdex. Il-premjijiet ġew ippreżentati mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, is-CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, u ċ-Chairman tal-GTA Paul Scicluna.
Caroline Veranneman għandha esperjenza ta’ 29 sena fl-industrija tal-ikel u x-xorb u ilha tmien snin taħdem fil-House and Gourmet (HOG) fir-Rabat, Għawdex.
Il-Premju tal-Gozo Tourism Entrepreneurship Award 2024 ingħata lis-Sinjura Alda Bugeja ta’ Gozo Weaving and Creations. Ir-rebbieħa tal-Gozo Business Niche Tourism Achievement Award kienet Leanne Meilak ta’ Taste of Gozo, filwaqt li l-Gozo Cultural Business Niche Achievement Award intrebaħ mill-Aurora International Folk Festival tas-Soċjetà Filarmonika Leone.
Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex ta wkoll il-Premju għall-Kisbiet tul il-Ħajja fit-Turiżmu lill-mibki s-Sur Frank Magro ta’ Mariblu Guest House u Barbarossa Excursions. Il-Premju għar-Rikonoxximent Speċjali fit-Turiżmu ingħata lis-Sur Amand Veranneman, filwaqt li l-Premju għall-Impenn fit-Turiżmu din is-sena ngħata lid-Direttorat għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg faħħar lill-assoċjazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-premjijiet, li joffru opportunità biex jitfakkru l-isforzi ta’ individwi u kumpaniji biex Għawdex issir destinazzjoni turistika world-class. Huwa fakkar li l-aħħar statistika turi li fis-snin riċenti, il-viżitaturi internazzjonali f’Għawdex żdiedu bi 28.6%. L-għadd ta’ lejliet li t-turisti internazzjonali jqattgħu f’Għawdex ukoll żdied b’20%.
“Għawdex qed jistabbilixxi ruħu b’ritmu mgħaġġel bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu ta’ kwalità, fejn il-viżitaturi jiġu attirati mill-esperjenzi awtentiċi li joffri. It-tendenza li qed jiżdied l-infiq għal kull viżitatur u għal kull lejl fost it-turisti internazzjonali kif ukoll dawk domestiċi hija indikazzjoni ċara ta’ din il-bidla lejn turiżmu ta’ kwalità. Il-gvern huwa determinat li jmexxi ’l quddiem din it-tranżizzjoni. Qed naħdmu biex nappoġġjaw l-industrija fir-raffinar tal-prodott turistiku ta’ Malta u Għawdex. Flimkien nistgħu niksbu aktar. Flimkien nistgħu noħolqu industrija aktar reżiljenti u sostenibbli, waħda li verament tibbenefika lill-istakeholders,” afferma d-deputat prim ministru.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, saħaq li d-dedikazzjoni kontinwa u l-isforz kollettiv imexxu l-industrija tat-turiżmu ’l quddiem f’Għawdex. Huwa enfasizza r-rwol kritiku li għandhom l-operaturi u l-ħaddiema li permezz tal-prodott, servizz, u esperjenza awtentika Għawdxija li joffru, ikkontribwixxew biex il-gżira tissaħħaħ bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran.
Il-Ministru Clint Camilleri nnnota r-reżiljenza tas-settur tat-turiżmu, li minkejja l-isfidi globali, baqa’ jikber u jevolvi. Huwa osserva li “Is-suċċess ta’ Għawdex huwa grazzi għal investimenti strateġiċi u sforzi mill-gvern, mill-ministeru, u mill-istakeholders biex il-gżira saret destinazzjoni għal matul is-sena kollha, bis-sena 2023 tikseb rekord ta’ numri ta’ viżitaturi u tkabbir sinifikanti f’xhur li tipikament kienu aktar kwieti.” Camilleri enfasizza li t-titjib fil-konnettività kellu rwol ewlieni biex dawn in-numri jintlaħqu u żied jgħid li hemm ppjanati aktar ħidma u titjib għall-futur.
Il-Ministru Clint Camilleri saħaq ukoll dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni sabiex jibqgħu jintlaħqu dawn il-miri, u esprima l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja l-industrija flimkien mal-istakeholders ewlenin, bħall-GTA, l-MTA, u d-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Huwa faħħar il-mod kif l-industrija addattat għall-ħtiġijiet u l-isforzi tal-operaturi u l-ħaddiema biex jintlaħqu u jinqabżu l-aspettattivi tat-turisti.
Is-CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, spjega li l-awtorità qed tkompli żżid l-investiment tagħha biex tippromwovi lil Għawdex bħala esperjenza unika għall-viżitaturi, bħala parti mill-impenn tagħha li tpoġġi l-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ta’ awtentiċità, kultura u avventura. Għawdex jispikka wkoll fil-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni mmirati biex isaħħu diversi swieq speċjalizzati, inkluż l-għadis, it-tiġijiet fid-destinazzjoni, l-avventura fil-beraħ, l-isport, il-gastronomija, in-natura, il-benessri u l-kultura.