Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fil-kuntest tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ippresjeda dibattitu miftuħ dwar il-“Prevenzjoni ta’ Vjolenza Sesswali relatata ma’ kunflitti permezz tad-demilitarizzazzjoni u l-kontroll tal-armi b’responsabbiltà tal-ġeneru”.
Dan id-dibattitu, organizzat mill-Kunsill tas-Sigurtà, sar biex jiddiskuti s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti. Matul il-Presidenza ta’ dan ix-xahar, Malta kompliet tmexxi ’l quddiem l-Aġenda tan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u f’dan il-kuntest, id-demilitarizzazzjoni u l-kontroll tal-armi bbażat fuq il-ġeneru bħala sforz essenzjali biex jitnaqqsu vjolenzi sesswali relatati mal-kunflitti.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-għan tad-dibattitu kien li jikseb momentum u jaqsam l-aqwa prattiċi fl-użu tal-kontroll tal-armi u strateġiji biex jipprevjenu l-vjolenzi sesswali relatati mal-kunflitti. L-evidenza turi li ż-żieda fl-armi u l-armamenti tikkontribwixxi direttament għal vjolenza sesswali, b’mod partikolari f’ambjenti ta’ kunflitt.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne kkundanna l-vjolenzi sesswali relatati mal-kunflitti minn kull fejn tiġi mwettqa, inkluż fl-Israel u fil-Palestina, kif ukoll il-persekuzzjoni sistematika tal-ġeneru mit-Taliban fl-Afganistan. Huwa kompla jesprimi l-appoġġ ta’ Malta għall-kodifikazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, li tippermetti lill-vittmi, kemm dawk tal-preżent kif ukoll tal-futur, li jżommu lill-awturi tar-reati responsabbli għall-kriminalità kollha mwettqa. Il-Kumitat attwali tas-Sanzjonijiet tan-NU insista li għandhom jiġu inkorporati kriterji ta’ sanzjonijiet awtonomi fuq vjolenza bbażata fuq is-sess u l-ġeneru.
Fuq stedina ta’ Malta, il-Kunsill tas-Sigurtà kien indirizzat mill-attriċi ta’ Hollywood Danai Gurira li sservi wkoll bħala l-Ambaxxatriċi tal-UN Women Goodwill, u Neimat Ahmadi, civil society briefer minn North Darfur, fundatriċi u president tal-Darfur Women Action Group.