Tuesday, May 14, 2024

“Id-dinja qed taqbad … u ninjoraw il-buffi”

Intervistat ta’ Evarist Bartolo dwar x’għaddej fid-dinja f’dan iż-żmien

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“‘Ġara li f’teatru wara l-kwinti beda jaqbad xi nar. Il-buffu ħareġ fuq il-palk biex jgħid lill-pubbliku li hemm nar jaqbad. In-nies ħasbu li qed jiċċajta u bdew iċapċpulu. Reġa’ wissiehom. In-nies bdew jidħku iżjed. Hekk naħseb li se tispiċċa d-dinja, kulħadd iċapċap, jaħseb li t-twissija li t-teatru qed jaqbad u se jinħaraq kulħadd hija ċajta.’

Hekk kiteb il-ħassieb Daniz Soren Kierkegaard 180 sena ilu. Jekk tibqa’ fit-teatru hu u jinħaraq u la tipprova titfih u lanqas taħrab min-nar, tispiċċa tinħaraq.”
Din hi t-tweġiba li tana Evarist Bartolo meta staqsejnieh dwar dak li jaħseb li hu għaddej fid-dinja f’dawn iż-żminijiet. Huwa qalilna li “Għall-inqas fil-parabbola ta’ Kierkegaard, il-pubbliku sema’ u ħa biċ-ċajt u beda jċapċap u jidħak. Illum il-periklu serju hu li l-buffi li qed jgħidulna li d-dinja qed taqbad, ma nisimgħuhomx; ninjorawhom, inħalluhom jitkellmu waħedhom.

Jew għax mehdijin fid-dinja ċkejkna privata tagħna, jew għax inħossu li wara kollox ma nistgħu nagħmlu xejn u nippreferu ma nsegwux l-aħbarijiet għax dejjem b’xi diżastru: terremoti, gwerer, mard u tbatija. Aktarx inħossuna wkoll li wara kollox ma nistgħu nagħmlu xejn u aħjar ingawdu li nistgħu u nħallu l-baħar iħabbat”.

It-Torċa: 12-il jum ieħor ikun l-ewwel anniversarju tal-invażjoni Russa ta’ l-Ukrajna. Dil-ġimgħa kellna terremoti terribbli fit-Turkija u fis-Sirja. F’ħafna pajjiżi tad-dinja miljuni qed ibatu mill-għoli tal-ħajja u diffikultajiet kbar oħra. … donnu kuljum l-aħbarijiet mimlijin bi ġrajjiet koroh. Hekk se tkun din is-sena, mhux se nieħdu r-ruħ wara sentejn ta’ pandemija li ħarbtet lid-dinja?

Evarist Bartolo: “Mill-bidu ta’ dis-sena, u anki f’dawn il-jiem stess, kellna buffi li qalulna li d-dinja qed taqbad. Hallejniehom jitkellmu waħedhom? Smajniehom? Tajna kashom? Kellna grupp ta’ xjenzati atomiċi internazzjonali, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet MagĦquda Antonio Guterres u lill-Papa Frangisku kollha bħall-buffu ta’ Kierkegaard, jgħidulna li jekk nibqgħu sejrin kif aħna se neqirdu lid-dinja u lilna nfusna. Se nkomplu ninjorawhom?

Terremoti bħal dawk li laqtu lit-Turkija u lis-Sirja u qatlu u ferew eluf huma diżastri naturali u ma nistgħux inwaqqfuhom għalkemm nistgħu ntaffuhom b’bini addattat. L-agħar huma d-diżastri umani li noħolqu aħna stess bil-gwerer, bl-inġustizzji u bl-isfruttament ta’ popli sħaħ”.

L-ewwel buffu: ix-xjenzati

It-Torċa: X’kienet it-twissija tax-xjenzati atomiċi internazzjonali?
Evarist Bartolo: “Fl-1945 ix-xjenzati li s-sejbiet xjentifiċi tagħhom wasslu għall-ewwel bomba atomika welldu organizzazzjoni dinjija biex iwissu lid-dinja mill-qerda li ġġib gwerra nukleari. Ħarbu bl-idea li jagħmlu arloġġ dwar l-aħħar tad-dinja u jmexxu l-idejn tal-arloġġ skont kemm inkunu qrib jew bogħod li neqirdu lilna nfusna.

Fl-24 ta’ Jannar tal-2023 qalulna li ninsabu 90 sekonda biss ‘il boghod milli neqirdu lilna nfusna. Din hija l-eqreb li qatt konna f’dawn il-200,000 sena li ilna neżistu fid-dinja bħala speċi moderna tal-bniedem.

“Dawn ix-xjenzati qed jgħidulna li bil-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, bil-President Russu Putin jhedded li juża l-armi nukleari biex jiddefendi lir-Russja, wara li kontra l-liġi internazzjonali invada lill-Ukrajna biex jikkontrollaha, qed tressaq lid-dinja lejn qerda nukleari. Bil-blokk tal-Punent immexxi mill-Istati Uniti jibgħat dejjem iżjed armi biex l-Ukreni jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom u d-dritt li jgħixu bħala pajjiż indipendenti, hemm periklu kbir li l-gwerra taħrab minn kull kontroll u tinfirex u tikber.

Ix-xjenzati huma inkwetati li l-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Pakistan se jkomplu jonfqu biljuni kbar biex jimmodernizzaw l-armi nukleari tagħhom. Iwissu wkoll li l-Korea ta’ Fuq qed tkompli tiżviluppa l-qawwa nukleari tagħha waqt li għadu ma ntlaħaqx ftehim mal-Iran biex ma jiżviluppax armi nukleari.

Ix-xjenzati huma inkwetati li bil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna mhux qed ikun hemm il-ħidma meħtiega biex id-dinja kollha tingħaqad kontra l-pandemija tal-Covid-19 li għadha tinħass, pandemiji oħra li ġejjin u l-emerġenza tal-klima b’temp estrem ta’ għargħar, nixfa u temperatura dejjem tisħon iżjed u li qed iġġiegħel miljuni ta’ nies jitilqu mnejn qegħdin għax ma jistgħux jaħdmu l-art iżjed u jirgħaw il-merħliet tagħhom u dan se jġib iżjed immigrazzjoni, ġuħ u faqar”.

It-tieni buffu: Antonio Guterres

It-Torċa: Semmejt ukoll it-twissija tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres. X’inhi t-twissija tiegħu?

Evarist Bartolo: “Nhar it-Tnejn li għadda Guterres kellem lill-193 pajjiż li huma fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa kkundanna l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u wissa li qed nissugraw li mexjin b’għajnejna miftuħin beraħ lejn gwerra akbar. Huwa qal li din il-gwerra qed toħloq tbatija kbira għall-poplu Ukren u qed tikkawża problemi għad-dinja kollha. Qal: ‘It-tama għall-paċi qiegħda dejjem tonqos u s-sogru li l-gwerra tkompli tikber qed jissaħħaħ.’

Huwa semma wkoll kunflitti oħra li qed jheddu l-paċi fid-dinja: l-Iżrael li qed ikompli jokkupa l-artijiet Palestinjani u l-kunflitti li għaddejjin fl-Afganistan, Myanmar, is-Sahel u Haiti.

It-Torċa: X’tista’ u x’għandha tagħmel in-Nazzjonijiet Magħquda f’dan l-inkwiet kollu.

Evarist Bartolo: “Għalina din hi mistoqsija importanti ħafna, l-aktar f’dawn iż-żminijiet meta wara ħidma mifruxa fuq ħafna snin u taħt iż-żewġ gvernijiet Nazzjonalisti u Laburisti ħdimna biex għas-sentejn li ġejjin inkunu fil-Kunsill tas-Sigurtà. Ħa nkunu qed naħdmu dwar kif l-emerġenza tal-klima qed tgħarraq lill-gżejjer iż-żgħar bil-baħar tiela`, dwar is-sehem tan-nisa għall-paċi u s-sigurtà u dwar kif it-tfal m’għandhomx jiġu reklutati għall-gwerra. Kollha temi importanti iżda li jinsabu kollha taħt id-dell tal-gwerra fl-Ukrajna u l-firda kbira li ġabet fil-bqija tad-dinja.

“Nhar it-Tnejn li għadda Antonio Guterres kellu raġun meta qal: ‘Kieku kull pajjiż jimxi bil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-paċi tkun garantita kullimkien’”.
Dawn il-prinċipji sbieħ għadhom jgħoddu: kull pajjiż, kbir u żgħir, huwa indaqs u ghandu dritt imexxi lilu nnifsu; l-inkwiet bejn pajjiż u ieħor għandu jissolva bid-diskussjoni u mhux bl-armamenti u li kull persuna fid-dinja għandha tgħix ħielsa mill-biża’ u mill-miżerja.

“Imma n-Nazzjonijiet Magħquda ma tistax timponi dawn il-prinċipji. Għax hi tiddependi mill-pajjiżi li jiffurmawha, qabel xejn minn dawk il-pajjiżi l-kbar: l-Istati Uniti, iċ-ċina, ir-Russja, Franza u r-Renju Unit li għandhom is-saħħa b’sempliċi vot wieħed tagħhom fil-Kunsill tas-Sigurtà jwaqqfu dak kollu li tkun trid tagħmel il-bqija tad-dinja. Ħames pajjiżi għandhom saħħa iżjed minn 188 pajjiż ieħor.
Hemm bżonn ta’ bidla fil-mod kif taħdem in-Nazzjonijiet Magħquda u ssir iżjed demokratika u inklussiva fit-tmexxija tagħha fejn qed tħalli barra kontinenti sħaħ bħall-Afrika.

“Meta n-Nazzjonijiet Magħquda tiġi kkritikata li mhi tagħmel xejn jew ma tiswa għal xejn tajjeb niftakru f’żewġ qwiel: wieħed Ingliż, il-ħaddiema mhux kapaċi jwaħħal fl-għodda tiegħu u ieħor Russu: jekk inti ikreh twaħħalx fil-mera.
In-Nazzjonijiet Magħquda qed teħel bin-nuqqasijiet u l-kruha ta’ dawk li għax b’saħħithom, u dan jgħodd kemm għar-Russja u kif ukoll l-Istati Uniti, meta jaqblilhom isemmu l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda u meta jaqblilhom imorru kontra tagħhom u jinvadu pajjiżi oħra u jaħkmuhom”.

It-tielet buffu: Papa Franġisku

It-Torċa: Semmejt li anki l-Papa Franġisku wissa f’liema stat ikreh tinsab id-dinja.
Evarist Bartolo: “Il-Ħadd li għadda, Papa Franġisku, hu u ġej lura mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u mis-Sudan t’Isfel qal li d-dinja kollha tinsab fi gwerra u li jekk mhux se nieqfu se nagħmlu suwiċidju dinji u neqirdu lilna nfusna.

Fl-Afrika kkundanna l-kolonjaliżmu ekonomiku: kif l-imperi taw l-indipendenza lill-pajjiżi Afrikani mill-art ‘il fuq iżda taħt l-art żammewhom kolonji biex ikomplu jisfruttaw ir-riżorsi u l-minerali tagħhom.

“Minbarra l-gwerra tal-Ukrajna u l-appell tiegħu għall-paċi semma wkoll il-gwerer ‘li jagħmlu inqas ħoss’ fl-Afrika, fl-Amerika Latina, fis-Sirja, fil-Jemen u f’Myanmar bil-poplu Rohyinga jiġġerra mad-dinja kollha wara li tkeċċa minn daru.

“Semma l-globalizzazzjoni tal-indifferenza, kif aħna lkoll ninjoraw nies madwarna li għandhom bżonn l-għajnuna. Semma kif id-dinja kollha tinsab f’idejn ftit nies li ma jagħtux kas il-miżerja u t-tbatija.”

Sport