Hekk kif is-Sibt filgħaxijia ttellgħu għall-ewwel darba il-Malta Film Awards, bosta kienu dawk li ġew ippremjati għax-xogħol u l-kontribut tagħhom fl-industrija tal-films.
Fost il-premijet li ngħataw, id-Direttur ta’ Jurassic World Dominion Colin Treverrow irċieva l-premju mogħti mill-Kummissarju tal-films.
Uħud mix-xeni ta’ dan il-film multi-miljunarju, li mistenni li joħroġ fl-10 ta’ Ġunju tal-2022, inġibdu proprju Malta. F’Awwissu tal-2020 fil-fatt kienu inġibdu partijiet minn dan il-film fil-Floriana.
F’kummenti li għadda meta ġie mogħti l-premju, Trevorrow innota l-kumment tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li Malta taspira li tkun “world class film industry.” Għal dan, Trevorrow qal li l-kontribuzzjoni ta’ pajjiżna għall-industrija tal-films globali diġà hija ta’ fama mondjali.
Fost il-premijiet mogħtija fis-serata, Fort Ricasoli ġiet onorata bħala l-aqwa sit tal-films f’pajjiżna. Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal li b’dan l-unur, il-kunsill ġie premjat €25,000 mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjobali, l-Arti u l-Gvern Lokali, li jistgħu jintużaw għal ġid tal-komunità tagħhom.