Wednesday, April 24, 2024

“Il-miżuri li jittieħdu għandhom jaraw li s-settur ma jibqax jaħdem bl-iskossi” -Reuben Buttigieg

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tilqa’ d-deċiżjoni tat-tneħħija tal-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin 

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering ta’ Malta (ACE) hi mmexxija mill-president Reuben Buttigieg. Dan tal-aħħar xejn ma sab din il-kariga faċli f’dawn l-aħħar sentejn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 b’diversi stabbilimenti tal-ikel li għaddew minn sfidi xejn faċli b’xi wħud minnhom li batew ħafna biex għaddew b’oħrajn li saħansitra kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom. 

Sadanittant minn żmien għal żmien l-ACE kienet qed tagħmel studji sabiex jaraw x’kien l-impatt tal-pandemija għas-settur tal-istabbilimenti tal-catering u eventwalment tiġi deċiża t-triq ‘il quddiem sabiex kull min hu involut jbati mill-inqas minn diversi restrizzjonijiet li nħolqu. 

Talk.mt ltaqgħet ma’ Reuben Buttigieg sabiex jagħtina aktar dettalji dwar is-sitwazzjoni preżenti fejn għandhom x’jaqsmu l-istabbilimenti tal-ikel u anke fuq ir-reazzjoni ta’ dawk kollha involuti f’dan is-settur wara l-aħħar rilaxx tal-miżuri mill-Ministru għas-Saħħa Dr Chris Fearne. Fil-fatt wieħed mill-ewwel rilaxx kien proprju t-tneħħija tal-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin għar-ristoranti. Buttigieg laqa’ tajjeb din id-deċiżjoni.

“Deċiżjoni għaqlija u pożittiva għalkemm ġiet tard wisq”

“B’xorti tajba, din kienet deċiżjoni għaqlija u pożittiva minħabba li bħala assoċjazzjoni konna ferm inkwetati bl-aħħar miżuri li kienu tħabbru fis-17 ta’ Jannar li għadda. Kienet deċiżjoni li ħalliet impatt enormi f’dan ix-xogħol u li nammetti li kellna ħafna tgergir mill-membri tagħna. Għallinqas is-settur se jerġa’ jibda jieħu n-nifs mix-xahar id-dieħel u nittamaw li nerġgħu naqbdu r-ritmu.”

Buttigieg jgħid li ġaladarba 90 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija ħadu l-vaċċin ma kienx jagħmel sens li jitħallew dawn il-miżuri. Issa hu jittama li aktar ‘il quddiem jiġu rilaxxati aktar miżuri fosthom l-użu tal-maskri u d-distanza soċjali. 

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li din id-deċiżjoni ġiet xi ftit tard u l-impatt tal-obbligu taċ-ċertifikat għal dawn l-aħħar jiem hijiex se tkun xi ħaġa rreprabbli għas-settur, Buttigieg wieġeb “Jien ngħid li tard wisq dejjem minħabba li dawn kienu sentejn ferm diffiċli għal kulħadd. Intenni li kellna ħafna tgergir f’dan il-qasam tax-xogħol speċjalment dan l-aħħar meta ċerti gruppi ta’ nies ma setgħux imorru jieklu minħabba li xi wħud minnhom ma kellhomx iċ-ċertifikat tal-booster. L-impatt kien wieħed negattiv minħabba li l-membri tagħna kontinwament kellhom ibiddlu diversi affarijiet biex ikunu konformi mal-aħħar restrizzjonijiet.”

Ritratt: Alan Saliba

Buttigieg semma’ kif dan is-settur qed jitlef ħafna nies minħabba li diversi ħaddiema qed jitilqu l-lant tax-xogħol biex imorru xi mkien ieħor. Kif jgħid hu stess, dan ix-xogħol mhux daqstant faċli speċjalment fi tmiem il-ġimgħa meta n-nies imorru jiddevertu, ix-xogħol jiżdied u f’moħħ il-wejter, kok u ħaddiem ieħor ikun dak li ċċaħħdu mill-ħin ta’ rilassament tagħhom sabiex jaqdu lin-nies. Għalhekk ħafna qed imorru għal xogħol li jsir fost il-ġimgħa sabiex tmiem il-ġimgħa jkun liberu. 

Il-membri ħassu li kienu dikriminati bil-miżuri imposti

Il-president tal-ACE semma’ wkoll kif ċerti miżuri li saru fis-17 ta’ Jannar kienu xi ftit inġusti. Eżempju ta’ dan kienu proprju r-ristoranti li kellhom jillimitaw in-numru ta’ nies li jkollhom filwaqt li juru ċ-ċertifikat tal-booster. Min-naħa l-oħra, f’postijiet partikolari oħra fosthom is-supermarkets, dan kollu ma kienx meħtieġ u għalhekk il-membri ħassu li kien hemm xi ftit tad-diskriminazzjoni. 

Staqsejnih ukoll dwar il-ħaddiema f’dan is-settur u jekk l-obbligu taċ-ċertifikat wasslitx biex ħaddiema barranin għażlu li jmorru lura f’pajjiżhom jew f’pajjiżi oħrajn, il-President tal-Assoċjazzjoni qalilna “Nemmen li kien hemm numru minnhom li għażlu li jitilqu lura lejn pajjiżhom anke minħabba l-kwistjoni tal-vaċċini u boosters. Kien hemm eżempju partikolari fejn ċittadini Ungeriżi ħadu l-vaċċin Sputnik li għall-pajjiżi oħra Ewropej mhux aċċettat bħala ċertifikat u għalhekk inħolqu dawn l-anomaliji anke minħabba x-xogħol tagħhom. B’hekk ħafna kellhom jitilqu minn Malta u jsibu xogħol x’imkien ieħor.”

“Se nkunu qegħdin niġbdu ħabel wieħed mal-gvern biex nattiraw aktar ħaddiema fis-settur”

Staqsejna lil Reuben Buttigieg dwar x’qed ibassar issa li dawn il-miżuri bdew jiġu rilaxxati u saħansitra tħabbar li se jsiru emendi fejn jidħol l-ivjaġġar bil-għan li jerġgħu jiżdiedu t-turisti fix-xhur li ġejjin. 

Huwa rrikonoxxa li bħalissa hawn problema kbira ta’ ħaddiema. “Għalhekk issa bħala pajjiż irridu nkunu għaqlin biżżejjed sabiex nerġgħu nattiraw aktar ħaddiema lejn Malta. Bħalma nafu, bosta ħaddiema li jiġu jaħdmu f’pajjiżna ġejjin l-aktar min-nofsinhar tal-Ewropa jew inkella minn dawk il-pajjiżi bħan-Nepal, l-Indja, il-Bangladesk u l-Filippini”, kompla Buttigieg. Bħala assoċjazzjoni se jkunu qed jaħdmu flimkien mal-gvern sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet u fuq kollox influss ta’ aktar ħaddiema sabiex is-settur tal-catering f’Malta jibqa’ wieħed sostenibbli. 

“Ma nistgħux niġru… irridu nkunu ċerti fil-miżuri li jittieħdu”

Mistoqsi dwar jekk hux se jirnexxielna nattiraw ħaddiema biżżejjed għal dan is-settur  Buttigieg spjega li “Ir-risposta tiegħi hi waħda. Hu importanti f’dan l-istadju li ma niġrux. Fis-sens ikun aħjar jekk naraw li nkunu ċerti fil-miżuri li se jittieħdu sabiex is-settur ma jibqax jaħdem bl-iskossi. Nippreferi nistenna ftit u naf li r-ristoranti u l-ħwienet jibqgħu miftuħin milli ngħaġġlu u allaħares qatt jerġa’ jkun hemm xi restrizzjonijiet li jġiegħlu lil dawn l-istabbilimenti jagħlqu l-bibien tagħhom. B’hekk biss forsi nistgħu nimmiraw li nattiraw aktar ħaddiema għal dan is-settur li jikkontribwixxi ħafna lill-ekonomija Maltija.”

Sport