Friday, November 27, 2026
Home Sport Id-Direttur Tekniku tal-IFAB ifaħħar l-implimentazzjoni tal-FVS mill-MFA

Id-Direttur Tekniku tal-IFAB ifaħħar l-implimentazzjoni tal-FVS mill-MFA

0
42

L-International Football Association Board (IFAB), il-korp indipendenti responsabbli mil-Liġijiet tal-Logħba tal-Football, faħħar l-implimentazzjoni tal-Football Video Support (FVS) mill-Malta Football Association (MFA).

Dan ix-xahar, is-Sur David Elleray, id-Direttur Tekniku tal-IFAB, żar Malta biex jara l-logħbiet tal-Malta Premier League li fihom qed tintuża s-sistema FVS.

Il-Football Video Support (FVS) tippermetti lill-clubs ikollhom sehem attiv fid-deċiżjonijiet tal-logħba. Dan l-istaġun, ir-referees użaw is-sistema biex jirrevedu 323 inċident f’66 logħba. Minn dawn, 132 kienu sfidi mitluba mit-timijiet, li wasslu għal 30 tibdil f’deċiżjonijiet importanti. Dawn jinkludu goal, penalty, karta ħamra diretta jew każ ta’ identità żbaljata.

Ir-referees irrevedew ukoll 191 goal u f’erba’ okkażjonijiet bidlu d-deċiżjoni oriġinali.

Permezz tar-reviżjoni tal-filmati u l-korrezzjoni ta’ żbalji ċari, is-sistema tgħin biex jittieħdu deċiżjonijiet aktar preċiżi u tiżdied il-ġustizzja għaż-żewġ timijiet.

Matul iż-żjara tiegħu, Elleray iltaqa’ wkoll ma’ uffiċjali ewlenin tal-MFA u għamel preżentazzjoni teknika lir-referees tal-Elite u lill-assistenti tagħhom.

Elleray qal li għadu kuntent ħafna bl-effiċjenza tar-referees meta jkunu qed jaraw ir-replays, hekk kif il-logħba tkun qed tittardja b’medja ta’ minuta biss. Huwa kien impressjonat ukoll bil-mod professjonali u rispettabbli li bih il-players, il-coaches u uffiċjali oħra tat-timijiet jaċċettaw ir-riżultat tar-reviżjoni meta r-referee jħabbar id-deċiżjoni, anke meta t-talba tagħhom ma tkunx intlaqgħet.

Waqt il-preżentazzjoni teknika, Elleray iffoka fuq iż-żamma fil-kaxxa, suġġett li bħalissa qed jiġi diskuss ħafna fil-football internazzjonali. Huwa enfasizza li mhux kull każ ta’ żamma huwa foul, peress li skont il-Liġijiet tal-Logħba, iż-żamma titqies bħala offiża biss meta jimpedixxi l-moviment ta’ avversarju.

Elleray temm billi faħħar lill-uffiċjali għall-applikazzjoni konsistenti u korretta tal-linji gwida tal-UEFA dwar l-offiżi taż-żamma, u ħeġġiġhom ikomplu jżommu dan il-livell għoli ta’ preċiżjoni u konsistenza.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here