Id-disfatta elettorali li sofra l-President Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat, m’hemm ebda dubju li huma frott tad-deċiżjonijiet politiċi ħżiena li ttieħdu u li affettaw b’mod negattiv ħafna l-ħajja taċ-ċittadini Amerikani. Il-vot demokratku kien ċar u ma ħalla lok għal ebda interpretazzjoni. Kien vot li fih il-poplu Amerikan tkellem. Wassal messaġġ li dik il-politika Amerikana kienet qiegħda taffettwah ħażin.
Nemmnu ukoll li l-vot tal-poplu Amerikan kien fih messaġġ ieħor. Messaġġ kontra tmexxija konfrontattiva u attitudni assertiva tal-amministrazzjoni. Hu fatt li Donald Trump adotta stil ta’ tmexxija li spiss kien deskritt bħala konfrontattiv, dominanti u ta’ natura personali. It-tmexxija tiegħu kienet ikkaratterizzata minn lingwaġġ qawwi, attitudni assertiva u tendenza li jidħol f’kunflitti miftuħa ma’ dawk li ma jaqblux miegħu. Fis-sentejn li għaddew spiss rajnieh jikkonfronta direttament lill-avversarji politiċi tiegħu, lill-midja u anke lill-mexxejja internazzjonali. Fil-komunikazzjoni tiegħu, spiss wera kunfidenza kbira fih innifsu u enfasizza l-awtorità personali tiegħu. Dan biex ma nsemmux l-użu ta’ kliem qawwi u dikjarazzjonijiet kontroversjali li ġibdu l-attenzjoni pubblika u qanqlu reazzjonijiet differenti. Fuq kollox, adotta stil ta’ tmexxija b’tendenza li tifred. Spiss rajna d-diskorsi jaqsmu lill-pubbliku bejn dawk li jappoġġjawh u dawk li jikkritikawh. Matul dawn is-sentejn rajnieh jagħti immaġini tiegħu bħala mexxej b’saħħtu li kapaċi jieħu deċiżjonijiet waħdu.
Nemmnu li daqskemm il-politika tiegħu affettwat b’mod negativ sezzjonijiet sħaħa tal-poplu Amerikan, hekk ukoll l-istil tat-tmexxija tiegħu ħoloq tensjonijiet kbar bla bżonn fost il-poplu Amerikan u anke lil hinn minnu. Stil ta’ tmexxija, li rajnieh joħloq konfronti u inċertezzi kbar.
U issa wara din it-telfa, Trump u l-amministrazzjoni se jdawru ir-rotta? Se jbiddlu l-istil ta’ tmexxija tagħhom? Mistoqsija li qiegħda ssir minn ħafna analisti u anke mill-pubbliku inġenerali. Biss, nemmnu li min qed jaħseb li Trump se jbiddel ir-rotta minħabba din it-telfa, aktarx li qiegħed jarralu.
Il-probabbilità hi li naraw Donald Trump u tmexxija Americana aktar konfrontattiva. L-ewwel indikazzjonijiet jidhru ċar li l-amministrazzjoni Trump se tieħu din ir-rotta. Jidher li l-attakki politiċi se jiħraxu u dan hekk kif rajnieh iwaħħal f’kandidati Repubblikati għat-telfa. Jidher li ftit li xejn hu interessat fil-kompromessi. Hu minnu li ntqal li lest jaħdem mad-Demokratiċi, iżda ma jonqosx li jenfasizza li għandu s-setgħa tal-veto fuq il-liġijiet tagħhom. Kollox jinidka li minkejja din id-disfatta, mhux se jagħżel it-triq tar-rikonċiljazzjoni politika.
Il-President Amerikan għad fadallu sentejn oħra. Sentejn li fihom wieħed irid jara x’marka se jħalli l-istess Trump fuq il-politika barranija tal-Istati Uniti. Rajna kif fis-sentejn li għaddew warrab lill-Ewropa u lill-alleati tiegħu. Il-prijorità kienet li l-interessi nazzjonali tal-Istati Uniti jirbħu fuq kollox u kulħadd.
Quddiem Kungress ikkontrollat mid-Demokratiċi, li huwa determinat li jagħmel użu mill-prerogattivi tiegħu, speċjalment dawk relatati mal-baġit, il-President Trump jista’ faċilment idur lejn qasam li jaqa’ kważi kompletament taħt l-awtorità tiegħu jipifieri dak tal-politika barranija.
Dak li ġara f’din l-elezzjoni nistgħu faċilment inqabbluh ma’ dak li kien ġara fis-sena 2006. Dinhar l-amministrazzjoni ta’ George W. Bush tilfet l-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat minħabba l-oppożizzjoni dejjem tikber tal-pubbliku għall-invażjoni tal-Iraq. Dak inhar is-Segretarju għad-Difiża Donald Rumsfeld ħa r-responsabbiltà u rriżenja. Din id-darba parti mit-tort qiegħed jintefa’ għall-attakki fuq l-Iran. Wieħed għad irid jara jekk din id-darba is-Segretarju għad-Difiża, Pete Hegseth, hux se jagħmel l-istess.
Jiġri x’jiġri, hemm indikazzjonijiet ċari li l-Istati Uniti qiegħda tara kif jintemm dan il-kunflitt.
L-ammissjoni ċarissima tal-Viċi President JD Vance, li l-attakk konġunt fuq l-Iran flimkien ma’ Iżrael kien żball kbir, jindika li qed issir tfittxija għal soluzzjoni negozjata biex tintemm il-kriżi.
Mill-banda l-oħra fejn tidħol l-Unjoni Ewropea ftit li xejn huwa probabbli li Trump ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar ir-relazzjonijiet mal-Ewropa. Hu għal darb’oħra qed jallinja ruħu mal-pożizzjonijiet tar-Russja dwar il-kunflitt fl-Ukrajna. Dan jista’ jkun sors ta’ konfrontazzjoni mal-maġġoranza Demokratika li se tidħol fil-Kungress. Huwa probabbli wkoll li jkomplu l-isforzi biex tissaħħaħ l-influwenza Amerikana fl-Amerika Latina, proċess li sar aktar faċli minħabba ċ-ċaqliq lejn il-lemin politiku fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Amerika t’Isfel, bl-eċċezzjoni tal-Brażil. Bl-istess mod, mistennija jkomplu l-isforzi biex tiddgħajjef il-ġustizzja internazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-multilateraliżmu fosthom in-Nazzjonijiet Uniti, li diġà jinsabu f’qagħda dgħajfa.
F’dawn l-oqsma kollha, huwa mistenni li l-President Trump jibqa’ tagħti prijorità lill-interessi nazzjonali tiegħu fuq dawk ta’ pajjiżi oħra. M’hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-politika kummerċjali aggressiva tal-Istati Uniti se tgħaddi minn xi bidla fundamentali b’riżultat tal-mewġa Demokratika.
L-Ewropa m’għandhiex tittama li terġa’ lura għal era li għaddiet. Jista’ jkun li t-telfa tista’ ġġiegħlu jbiddel it-tattika, iżda mhux neċessarjament il-politika tiegħu lejn l-Unjoni Ewropea.
Sa issa kollox jindika li Trump se jkompli juża t-tariffi fuq prodotti Ewropej bħala għodda ta’ pressjoni ekonomika. Madankollu, it-telfa tista’ żżid il-pressjoni politika fuqu biex jevita kunflitti kummerċjali ġodda.
Fejn jirrigwarda n-NATO u d-difiża, l-indikazzjonijiet huma li jkompli jinsisti li l-pajjiżi Ewropej iżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża u jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom.
Din id-disfatta tista’ twassal biex Trump jadotta lingwaġġ aktar kawt jew jibdel il-mod kif jinnegozja mal-mexxejja Ewropej, għalkemm dan mhux bilfors ifisser bidla fil-pożizzjoni politika tiegħu.
L-aktar punt li dwaru hemm inċertezza hu x’se jiġri dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Fl-aħħar xhur u ġimgħat konna qegħdin naraw l-Istati Uniti tallineja ruħha mar-Russja. Issa b’din l-elezzjoni, il-Kungress hu ikkontrollat mid-Demokratiċi. Il-mistoqsija hi x’se jiġri? Se ssir pressjoni fuq Trump biex ikompli l-għajnuna militari u finanzjarja lill-Ukrajna?
M’hemmx dubju li t-telfa elettorali ta’ Trump tista’ tiftaħ opportunità ġdida għall-Ukrajna, iżda mhux bilfors tfisser li l-gwerra se tintemm jew li l-Amerika se tibdel il-politika tagħha immedjatament. Nistennew u naraw.




