Il-President ta’ Iżrael Isaac Herzog qal li se jinkariga lill-mexxej tal-Oppożizzjoni, Gadi Eisenkot, biex jifforma gvern ġdid ta’ koalizzjoni.
Herzog ilu jiltaqa’ ma’ diversi partiti politiċi wara li la l-blokk ta’ Eisenkot u lanqas dak tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu ma kisbu maġġoranza fil-Parlament ta’ Iżrael magħruf bħala l-Knesset, wara l-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet.
Eisenkot issa se jkollu 28 jum biex jipprova jifforma amministrazzjoni ġdida, b’possibiltà ta’ estensjoni ta’ 14-il ġurnata oħra.
“Issa wasal iż-żmien li niffurmaw gvern ta’ emerġenza nazzjonali. Se nagħmel dak kollu possibbli biex niżgura li nkunu denji ta’ din ir-responsabbiltà,” kiteb l-eks kap militari fuq X.
L-ebda partit politiku fl-Iżrael qatt ma rebaħ maġġoranza assoluta waħdu, u għalhekk il-gvernijiet kollha fil-pajjiż kienu gvernijiet ta’ koalizzjoni.
Il-partit tal-lemin Likud ta’ Netanyahu, flimkien mal-alleati tiegħu tal-lemin estrem u l-partiti Lhud ultra-Ortodossi, kisbu 53 siġġu fil-Knesset, li għandu 120 siġġu.
Min-naħa l-oħra, il-partit ċentrist ta’ Eisenkot, Yashar, flimkien ma’ tliet partiti oħra tal-oppożizzjoni Lhudija fil-blokk tiegħu, kisbu 48 siġġu.
Żewġ alleanzi mmexxija minn partiti Għarab, United Arab List u Joint List, flimkien kisbu 19-il siġġu, riżultat bla preċedent li wasal wara żieda qawwija fil-parteċipazzjoni tal-votanti Għarab.
Dan ipoġġihom f’pożizzjoni li jista’ jkollhom rwol deċiżiv fil-formazzjoni tal-gvern. Madankollu, qabel l-elezzjoni, il-partiti Lhud kollha minbarra wieħed wiegħdu li ma jikkollaborawx magħhom biex jiffurmaw gvern.




