Saturday, February 4, 2023

Id-DPM jisħaq li ma kien hemm l-ebda pazjent li miet fil-kuritur għax ma nstabx il-fajl tiegħu

Aqra wkoll

Waqt li aktar kmieni d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura nursing simulator ġdid tal-istituzzjoni edukattiva Idea Academy fil-Mosta huwa ġie mistoqsi mill-ġdid rigward il-każ ta’ mewt ta’ pazjent fil-kuritur tal-Isptar wara li ma nstabx il-fajl tiegħu.

Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta mistoqsi jekk jiċħadx l-istorja ta’ Net News, Huwa qal li m’għandux dik l-informazzjoni. Huwa għal darba oħra kkonferma li fl-aħħar jiem ma kien hemm l-ebda mewta fil-kuritur. Hawnhekk huwa nnota li filwaqt li l-istorja maħruġa fi tmiem il-ġimgħa kienet qiegħda titkellem dwar mewta fl-aħħar jiem, il-ġurnalist issa kien qiegħed jistaqsi jekk kienx hemm mewt fl-aħħar ġimgħat.

Il-Ministru Fearne qal li kien huwa stess li talab lic-CEO u liċ-Chairman ta’ Mater Dei biex jagħtuh l-informazzjoni kollha. Huwa sostna li t-tnejn li huma assigurawh li l-każ imsemmi ma kienx minnu u infatti l-Isptar ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet fl-istess rapport.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkundanna dan ir-rapport maħruġ mill-midja tal-Partit Nazzjonalista u saħaq fuq il-fatt li dan it-tip ta’ rappurtaġġ joħloq paniku għal dawk kollha li jkollhom bżonn imorru l-Emerġenza. Barra minn hekk, huwa sostna li dan kollu jpoġġi f’dawl ikrah lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li jaħdmu lejl u nhar sabiex isalvaw il-ħajjiet.

Delicious

Sport