Thursday, April 18, 2024

Ifalli l-pjan tal-Gvern Ingliż li jnaqqas it-taxxa lil dawk li jaqilgħu l-iktar

Aqra wkoll

Il-Gvern Ingliż kellu jabbanduna l-pjan li jabolixxi t-taxxa ta’ 45p lil dawk li jaqgħilu £150,000 jew iktar. Dan sar għaxart ijiem biss wara li ħabbar pakkett ta’ proposti  li kien deskritt bħala distrazzjoni massiva fuq dak li kellu jkun pakkett b’saħħtu.

Wara dan il-U-turn, il-kanċillier Ingliż Kwasi Kwarteng qal li l-gvern tkellem man-nies u semgħa lin-nies. Osservaturi politiċi iżda sostnew li d-deċiżjoni tal-gvern li jerġa’ lura mill-pjan tiegħu hija umiljazzjoni għall-Prim Ministru Liz Truss wara li diversi Membri Parlamentari konservattivi stess esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-pjan.

L-ex ministru tal-kabinett Grant Shapps saħansitra wissa li l-Prim Ministru kienet se titlef vot fil-House of Commons dwar il-proposta li tabolixxi taxxa ta’ 45p  tant li l-pjan biex titneħħa dik ir-rata li titħallas minn nies li jaqilgħu aktar minn £150,000 fis-sena, kien ġie kkritikat bħala inġust fi żmien meta l-ispejjeż tal-ħajja qed jogħlew.

Madankollu, ippressat dwar jekk kienx U-turn min-naħa tal-prim miniustru Liz Truss, il-Kanċillier Kwarteng qal li hu u Truss iddiskutew flimkien u ddeċidew flimkien li ma jkomplux bil-proposta tal-abolizzjoni tar-rata ta’ 45p fit-taxxa.

Nhar il-Ħadd, il-prim ministru qalet lill-BBC li l-mossa biex titnaqqas l-ogħla rata tat-taxxa fuq id-dħul kienet deċiżjoni li ħa l-Kanċillier.

Iżda qalet ukoll li hi kienet impenjata b’mod assolut għal dak it-tnaqqis bħala parti minn pakkett biex is-sistema tat-taxxa ssir aktar sempliċi u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku.

Il-miżura li ried idaħħal il-gvern Ingliż sabet oppożizzjoni notevoli mis-swieq, mill-partiti tal-oppożizzjoni u minn numru dejjem jikber ta’ Membri Parlamentari konservattivi filwaqt li deher ċar li l-prim ministru Truss ma kellhiex in-numru ta’ parlamentari favur tagħha biex tgħaddiha.

Nhar il-Ħadd, il-konservattiv anzjan Michael Gove ta x’jifhem li ma kienx se jivvota għall-pjan tal-gvern meta qal “Ma nemminx li hu tajjeb”.

L-eks ministru tal-kabinett qal li d-deċiżjoni tal-PM kienet “wirja tal-valuri żbaljati”.

Ekonomija

Sport