Tuesday, May 14, 2024

Iffirmat ftehim settorjali ġdid għall-ħaddiema tas-Saħħa u s-Sigurtà fis-Servizz Pubbliku 

Aqra wkoll

Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) iffirmaw ftehim settorjali ġdid li se jkun qed ikopri l-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà fi ħdan is-Servizz Pubbliku. 

Il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema jaħdmu fil-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u xogħolhom, fost l-oħrajn, jinvolvi l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol. 

Dan il-ftehim se jara titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, li jinkludi titjib fl-istruttura tas-salarji, benefiċċji ġodda u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Il-ftehim se jkun qed jassigura l-kontinwità ta’ xogħol effiċjenti u taħriġ meħtieġ, filwaqt li għall-ewwel darba f’20 sena, l-uffiċjali se jingħataw benefiċċju ġdid skont il-grad li jkunu jinsabu fih. 

Fl-indirizz tiegħu waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza li “F’kull livell f’pajjiżna, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, jeħtieġ li ninkoraġġixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.” 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li filwaqt li sar progress fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin, għad hemm lok għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 

Permezz ta’ dan il-ftehim ġdid il-Gvern qed juri l-impenn tiegħu li jkun ta’ eżempju billi qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu f’dan il-qasam. Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar bl-għajnuna ta’ korpi kostitwiti oħra qed joffri r-riżorsi kollha meħtieġa biex ikompli jinstiga aktar ħidma f’dan qasam. 

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Carlos Tabone qal kif permezz ta’ dan il-ftehim is-Servizz Pubbliku se jkun qed jinvesti fil-ħaddiema tiegħu, kemm permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar kif ukoll sabiex jgħollu l-kwalità u jissalvagwardjaw il-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol. 

Id-Direttur tal-UĦM Mario Sacco fisser li għalkemm ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema jsir fis-skiet dawn jagħmlu xogħol imprezzabbli għax jissalvagwardjaw ħajjet in-nies. Dan il-ftehim se jkun qed iservi wkoll biex jattira aktar nies lejn dan is-settur. 

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards) Joyce Cassar. 

Sport