Il-General Workers’ Union iffirmat it-tieni ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. Dan il-ftehim se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ aktar minn 500 ħaddiem f’aġenzija li llum tħaddem aktar minn 600 persuna.
L-iffimar ta’ dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li “wasalna għal dan il-ftehim li permezz tiegħu se npoġġu lill-ħaddiem fiċ-ċentru tal-politika tagħna, f’qasam tant importanti – il-Ġustizzja.”
“Investejna f’wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għal dan il-pajjiż. Il-Ġustizzja kemm għal min jirċeviha u anke għal min jamministraha,” qal il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu. Huwa fakkar ukoll kif illum għandna l-akbar korp tal-ġudikatura, l-aktar li qatt kellna Maġistrati u Mħallfin. Tenna li l-pass naturali li kien imiss, kien dak li nibqgħu ninvestu fil-bqija tal-ħaddiema u għalhekk din tal-lum hi okkażjoni importanti.
Dan hekk kif aktar minn 500 ħaddiem se jkunu qed jaraw titjib b’saħħtu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. “Mhux biss fis-salarju tagħhom imma wkoll fil-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol,” qal il-Prim Ministru.
Huwa tenna wkoll li dan il-ftehim jgħaqqad b’mod olistiku ma’ tant u tant miżuri li ħa dan il-Gvern għall-familji fosthom it-tax cuts li jolqtu lill-ħaddiema u anke lill-ġenituri. Dan kollu grazzi għall-politika ekonomika progressiva li ħaddan il-Gvern.
“Dan qed nagħmluh ukoll f’kuntest ġeopolitiku li qed iħalli tant u tant pajjiżi għarkupptejhom. Fil-waqt ta’ sfidi kbar, fejn il-prezzijiet tal-enerġija splodew ’il fuq, qed inkunu ta’ tarka sħiħa għall-poplu tagħna,” tenna l-Prim Ministru.
Dr Abela temm billi rringrazzja lil kull min kien involut biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim fosthom lill-GWU għall-mod kif tħares lejn ir-relazzjonijiet trejdunonistiċi, il-mod bilanċjat li tħares lejn iż-żewġ naħat tal-munita – filwaqt li tħares primarjament lejn l-interessi tal-membri tagħha imma tħares ukoll lejn in-naħa l-oħra tal-munita, dik ta’ min iħaddem.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li l-ġurnata tal-lum hi mhix biss sinifikanti għall-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati imma wkoll għas-settur tal-ġustizzja kollu kemm hu.
Huwa sostna li f’din l-aġenzija għandna ħaddiema li ta’ kuljum iwettqu d-doveri tagħhom b’serjetà u bi mpenn biex is-servizz tal-ġustizzja f’pajjiżna dejjem jitjieb. Enfasizza li dan il-ftehim huwa frott ta’ proċess serju u responsabbli, ta’ negozjati mibnija fuq rispett reċiproku u djalogu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali (Designate) tal-GWU Kevin Camilleri qal li “dan il-Ftehim Kollettiv jirrappreżenta pass importanti ’il quddiem, mhux biss bħala qbil formali iżda bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni sinċiera bejn l-Amministrazzjoni tal-Qorti u l-General Workers’ Union. Permezz ta’ djalogu kostruttiv u rispett reċiproku, intlaħaq bilanċ li jsaħħaħ kemm l-istabbiltà tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll il-benesseri tal-ħaddiema, u jistabbilixxi bażi soda għal servizz aktar effiċjenti u sostenibbli fil-futur.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Dr Vanessa Grech qalet li “llum qegħdin hawn b’wiċċna minn quddiem kburin niċċelebraw dan it-tragward. “Dan hu t-tieni ftehim kollettiv ta’ din l-aġenzija. Ftehim li jikkonċerna aktar minn 500 ħaddiem,” qalet Dr Grech.
Hija nnotat ukoll it-titjib li sar fis-servizzi tal-Qrati u anke l-investiment estensiv li sar fosthom l-awla ġdida għall-ġurijiet u anke l-introduzzjoni ta’ help desk li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u jnaqqas il-bżonn li l-pubbliku jkollu jidħol fil-binja pinċipali biex jistaqsi fejn meħtieġ. “Dan hu eżempju ċar ta’ kif qed inpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru tas-servizzi tagħna,” qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segetarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU Kendrick Bondin spjega kif dan il-ftehim se jkun wieħed li jġib aktar għaqda u benefiċċji għall-ħaddiema membri fil-GWU. “Hawnhekk kien hawn ħidma kontinwa u negozjati professjonali bejn il-partijiet kollha involuti. Kellna tassew rappreżentanti li ħadmu magħna bi sħiħ magħna id f’id u permezz tal-għajnuna tagħhom stajna niksbu dan is-suċċess għall-ħaddiema tagħna,” tenna s-Segretarju Bondin.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

