Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza li ngħata Kevin Hodkin li kien instab ħati illi hedded lil raġel ieħor li jagħmillu bomba mal-karozza wara li kellhom xi jgħidu fuq servizz tal-panelli.
Lura f’Ottubru tal-2019, Hodkin kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin. Il-Qorti tal-Maġistrati ordnatlu wkoll iħallas multa ta’ €1,000 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal perjodu ta’ tliet snin favur il-vittma.
Hodkin kien appella mis-sentenza u talab lill-Qorti tiddikjara li huwa ma kienx ħati tal-akkużi kif miġjuba kontra tiegħu u konsegwentement tilliberah.
Il-Qorti għamlet referenza għall-affidavit tas-Surġent Evan Grech fejn ingħad li fit-22 ta’ Frar tal-2018 kien hemm raġel li rċieva e-mail mingħand Hodkin u li dan tal-aħħar heddu li jagħmillu bomba: “…be careful what car is behind you IED XXL BOOM CIAO”.
L-istess affidavit kien jgħid ukoll li r-raġel li għamel ir-rapport kien installa xi panelli lil Hodkin u dan tal-aħħar għamillu fama ħażina dwar is-servizz li tah; min-naħa tiegħu, il-vittma kien bagħat e-mail lil Hodkin fejn talbu biex ma jibqax jinfamah b’dan il-mod għaliex inkella kien se jdaħħlu l-Qorti. Hodkin, fix-xhieda tiegħu qal li mhux minnu li beda jxerred fama ħażina dwar is-servizzi provduti mir-raġel li għamel ir-rapport, u li qallu biex ma jibqax jheddu.
Fix-xhieda tiegħu, il-vittma ppreżenta għadd ta’ e-mails u qal li fit-22 ta’ Frar tal-2018, filgħaxija, waqt li kien f’restorant f’Bormla, irċieva e-mail b’theddida mingħand Hodkin u kkwota l-kliem: “IED XXL BOOM CIAO”. Qal ukoll li minn tiftixa li għamel dwar l-inizjali ‘IED’ sab li jfissru “intelligent explosive device”. Minħabba f’hekk, huwa ħass li kellu jieħu prekawzjoni u mar jagħmel rapport l-għassa ta’ Bormla. Qal ukoll li tant ħassu mhedded li għamel xahar sħiħ juża karozza tal-kiri.
Fl-appell, Hodkin qal li dakinhar li l-vittma rċieva l-e-mail huwa kien jinsab Għawdex. Għalhekk huwa argumenta li l-Ewwel Qorti ma kinitx korretta meta qalet li t-theddida saret f’Bormla.
Hodkin qal ukoll li l-Prosekuzzjoni ma preżentatx evidenza li turi illi l-indirizz elettroniku li ntbagħtet l-e-mail minn fuqu kien jappartjenu lilu, u li iktar minn hekk naqset milli tippreżenta evidenza li kien hu li bagħat l-e-mail.
Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti tal-Appell Kriminali nnotat li jekk l-appellant għal xi raġuni jew oħra ma kienx sodisfatt bis-servizzi mogħtija lilu mill-persuna l-oħra, huwa qatt ma kellu jikteb dak li kiteb.
“Ta’ min jinnota li t-theddid ta’ bomba għandu jittieħed b’serjetà kbira u l-ebda għadd ta’ referenzi għall-kuntest, kif suġġerit mill-appellant, ma jistgħu jikkanċellaw l-effetti ta’ tali theddid,” qalet il-Qorti. “Hemm periklu għall-ħajja ta’ persuna u qatt ma tista’ tkun jaf jekk il-persuna li qed thedded hix se twettaq dak li qiegħda tgħid.”
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Neville Camilleri ma laqax it-talbiet tal-appellant u għaldaqsant ikkonferma s-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti.