Sunday, December 22, 2024

Il-Banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa jitgħattew b’materjal protettiv biex jibqgħu kkonservati

Aqra wkoll

Il-Banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa tgħattew b’saffi ta’ materjali protettivi
differenti biex jibqgħu kkonservati għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, f’dak li hu lewwel intervent tax-xorta tiegħu li qatt sar minn Heritage Malta.-

Għalkemm f’dan is-sit storiku hemm strutturi li jilqgħu kontra x-xemx u x-xita,
dawn ma joffrux ħarsien kontra s-sħana, ir-riħ u l-ilma li joskula minn taħt.
Minbarra l-elementi, tul is-snin fis-sit saret ħsara wkoll minn annimali żgħar u ttħaffir tagħhom, l-għeruq tal-pjanti, u wkoll il-mixi tan-nies, anke jekk dan is-sit
ma jinfetaħx għall-pubbliku ħlief f’okkażjonijiet speċjali.

Għaldaqstant ġie deċiż li s-sit jiġi ppreservat fl-istat li jinsab illum sabiex il-proċess
ta’ deterjorazzjoni jkun iktar kajman u jkun hemm ukoll stabilità. Dan seta’ jsir
biss billi s-sit jerġa’ jitgħatta temporanjament biex jerġa’ jkun f’ambjent simili
għal dak fejn dam mal-2000 sena qabel ġie skopert, ħalli meta jerġa’ jinkixef ma
jkunx intilef iżjed materjal minnu daqskemm kieku tħalla mikxuf.

Il-pjan għall-preservazzjoni tal-Banjijiet Rumani kien ilu jitfassal. Fil-fatt, sentejn
ilu, bħala prekawzjoni u b’kawtela, saret prova billi ntgħażlet parti żgħira mis-sit
fejn m’hemmx mużajk tal-perjodu Ruman u tgħattiet temporanjament bl-istess
materjali li ntużaw fl-intervent li sar dan l-aħħar.

Wara li saret analiżi dettaljata tas-sit, matul ix-xahar ta’ qabel dan l-intervent saru
diversi xogħlijiet ta’ konservazzjoni ta’ emerġenza mill-konservaturi-restawraturi
ta’ Heritage Malta. Dawn kienu jikkonsistu fi lqugħ, konsolidament, tikħil ta’ qsim
u tneħħija ta’ pjanti. Partijiet tal-mużajk li kienu nqalgħu tqiegħdu lura f’posthom
biex ma jintilfux u jerġa’ jinħoloq id-disinn li kien inqala’. Kull biċċa xogħol li saret
ġiet dokumentata, anke permezz ta’ 3D modelling mill-arkeologi ta’ Heritage
Malta.

Biex tgħatta s-sit, intużat stratigrafija li tintgħaraf u li hija riversibbli. Dan bl-għan
li arkeologi u l-konservaturi-restawraturi li jagħmlu interventi fil-ġejjieni jkunu
jistgħu jidentifikaw il-materjal bħala li mhux parti mis-sit oriġinali. Dan il-materjal
jalterna bejn materjal Malti u materjal miġjub minn barra. Dawn il-materjali ġew
separati minn mal-wiċċ oriġinali kif ukoll bejn is-saffi tagħhom infushom permezz
ta’ geotextile.

Il-kumpless tal-banjijiet Rumani f’Għajn Tuffieħa nkixef b’mod aċċidentali fl-1929,
meta xi ħaddiema kienu qed iħaffru trinka biex iwasslu l-ilma mill-għajn naturali li
hemm fl-inħawi sal-għelieqi tal-bdiewa fil-madwar. Huma infurmaw lid-Direttur
tal-Mużewijiet ta’ dak iż-żmien, Sir Temi Zammit, li skava s-sit fl-1929 u fl-1930 u li
kien tal-fehma li l-kumpless imur lura għall-ewwel jew it-tieni seklu wara Kristu.
Il-kumpless, li loku aktarx intgħażel proprju biex jiġi sfruttat is-sors naturali ta’
ilma fil-qrib, jikkonsisti fi kmamar u pixxini. Waħda mill-kmamar kienet tinżamm
sħuna. Fil-fatt kienet elevata u tistrieħ fuq għadd ta’ arkati fejn kien jitqabbad innar biex jissaħħan l-ilma.

F’kumment dwar l-intervent li sar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel
Zammit, qal li dan huwa eżempju ċar u prattiku ta’ kif l-aġenzija nazzjonali għallwirt kulturali tagħti ġejjieni lill-imgħoddi tagħna.

“Is-sitwazzjoni preżenti ma kinitx qed tippermetti li dan is-sit jiġi ppreservat kif jixraq, u għalhekk ħadna d-deċiżjoni li aħna niċċaħħdu mis-sit biex ikunu jistgħu jgawduh il-ġenerazzjonijiet tal-futur. Dak li laħaq intilef mis-sit matul iż-żmien ma nistgħux inġibuh lura, imma nistgħu niżguraw li ma nkomplux nitilfu minnu,” qal is-Sur Zammit, filwaqt li saħaq li dan is-sit tgħatta biss temporanjament u mhux sabiex jintesa, u Heritage Malta se tibqa’ tmantnih u tieħu ħsiebu sakemm jasal iż-żmien li jerġa’ jinkixef għallpubbliku mingħajr periklu għall-preservazzjoni tas-sit innifsu.

Ekonomija

Sport