Sunday, May 19, 2024

Il-Bank Of Valletta jestendi l-Ftehim ta’ Sħubija ma’ Heritage Malta

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta estenda l-appoġġ tiegħu lil Heritage Malta għal tliet snin oħra fil-finanzjament tax-xogħlijiet ta’ restawrazzjoni tal-Gran Salon li jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Il-Bank se jkompli jkun l-uniku sponsor ta’ dan il-proġett importanti ta’ restawr, li ilu għaddej għal numru ta’ snin mill-bidu tas-sħubija bejn il-BOV u Heritage Malta fl-2017.

Il-Gran Salon huwa l-aktar karatteristika arkitettonika li tiġbed attenzjoni fil-Berġa ta’ Provence fil-Belt Valletta, mibnija bejn l-1571 u l-1575 biex tospita l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-Berġa issa tospita l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija ta’ Heritage Malta. Il-Gran Salon hija waħda mill-aktar swali impressjonanti u eleganti fil-gżejjer Maltin, u tinsab fis-sular ta’ fuq ta’ din il-Berġa.

Il-ħitan u s-saqaf sofrew ħsara strutturali matul is-sekli, u wara analiżi xjentifika, bl-użu tal-aħjar trattamenti ta’ konservazzjoni possibbli, se jkun possibbli li titwettaq konservazzjoni tal-pitturi murali tas-seklu tmintax, u permezz t’hekk il-Gran Salon se jiġi rrestawrat għall-karatteristiċi estetiċi oriġinali tiegħu.

Pittura ta’ żmien il-Kavallieri, li nstabet sentejn ilu bħala parti mill-proġett ta’ konservazzjoni, ġiet uffiċjalment ikkonfermata lejn l-aħħar tas-sena l-oħra li hija xbieha ta’ Nettunu li jżomm trident f’idu. Il-pittura nstabet wara arkata mblukkata, u huwa maħsub li hija tas-seklu 17 jew il-bidu tas-seklu 18. Din l-iskoperta hija l-uniku komponent li fadal tal-iskema dekorattiva oriġinali tal-Gran Salon, li kienet teżisti qabel ma l-kamra ġiet dekorata mill-ġdid fil-bidu tas-seklu 19.

Il-ftehim kien iffirmat minn Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, u Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, waqt żjara fil-Gran Salon. Is-Sur Farrugia stqarr li “l-protezzjoni tal-wirt kulturali għani ta’ Malta tifforma parti integrali mid-dimensjoni soċjali fl-istrateġija ESG tal-Bank. Il-Bank of Valletta għandu storja twila ta’ appoġġ għal proġetti ta’ restawr ta’ importanza nazzjonali, u aħna nħossuna privileġġjati li nsaħħu s-sħubija tagħna ma’ Heritage Malta u nappoġġjawhom fix-xogħol mill-aqa li ilhom iwettqu matul l-aħħar snin.

“Matl din is-sena qed niċċelebraw il-50 anniversarju tal-Bank, u għaldaqstant ninsabu ħerqana li nkomplu nespandu l-kontribut tagħna għall-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ gżiritna, għall-benefiċċju kemm tal-komunità domestika kif ukoll tal-eluf ta’ turisti li jżuru din il-ġawra artistika u kulturali.”

Min-naħa tiegħu, is-Sur Zammit ikkummenta li “l-BOV wera li huwa sieħeb imprezzabbli għal Heritage Malta fit-twettiq tal-missjoni ewlenija tagħna li nissalvagwardjaw il-wirt għani tal-gżejjer tagħna biex il-ġenerazzjonijiet futuri jirtuh u jgawduh f’ kundizzjoni saħansitra aħjar minn dik preżenti.

“Dawn l-aħħar sitt snin ta’ ħidma bla waqfien mill-konservazzjonisto tagħna fil-‘Gran Salon’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt ħallew l-frott mixtieq tant li s-sala diġà viżibilment reġgħet kisbet il-vibranza tagħha u għamilna skoperti eċċitanti. Fost dawn kien hemm is-sejba tax-xbieha ta’ Neptune, l-Alla Ruman tal-Baħar, li ma kinitx magħrufa qabel, wara arkata mblukkata. Għaldaqstant, aħna ninsabu grati li l-BOV qed jestendi l-appoġġ tiegħu biex ikun jista’ jinġabar aktar frott minn din is-sħubija, li eventwalment se titgawda min-nazzjon Malti kollu. “

Sport