Il-Bank of Valletta jsaħħaħ id-djalogu mal-azzjonisti u l-investituri permezz tal-BOV Investor Days 2026

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta temm it-tieni edizzjoni tal-BOV Investor Days, filwaqt li kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur it-trasparenza u d-djalogu miftuħ mal-azzjonisti u mal-komunità tal-investituri.

Filwaqt li bena fuq is-suċċess tal-ewwel edizzjoni li saret fl-2025, il-programm ta’ din is-sena laqqa’ lill-investituri mal-Bord tad-Diretturi u t-Tmexxija Eżekuttiva tal-Bank, kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. L-avveniment f’Malta seta’ jiġi segwit ukoll b’mod virtwali. L-investituri kellhom l-opportunità jisimgħu direttament dwar il-prestazzjoni tal-Bank, il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tiegħu u l-prijoritajiet ewlenin, filwaqt li ngħataw ukoll l-opportunità li jagħmlu mistoqsijiet u jieħdu sehem fid-diskussjonijiet.

Is-sessjonijiet segwew il-publikazzjoni tar-riżultati finanzjarji tal-BOV għad-disa’ xhur li ntemmew f’Settembru 2026, li wrew li l-Bank kompla jżomm prestazzjoni b’saħħitha fl-oqsma ewlenin tal-operat tiegħu. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif il-Bank qed isarraf l-investiment u t-trasformazzjoni li wettaq dan l-aħħar f’relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-klijenti, reżiljenza operattiva akbar u valur sostenibbli fit-tul.

Id-direzzjoni strateġika tal-Bank kienet tema ewlenija tad-diskussjonijiet, b’enfasi fuq  prodotti u servizzi aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tal-klijenti, l-użu responsabbli tat-teknoloġija u tad-data, kif ukoll tkabbir dixxiplinat.

Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, qal, “Investor Days huma parti importanti mill-isforzi tagħna biex inkomplu nsaħħu l-fiduċja mal-klijenti li investew fil-Bank of Valletta. Bnejna Bank aktar b’saħħtu u reżiljenti, u issa l-attenzjoni tagħna hija fuq kif nisfruttaw din is-saħħa biex niksbu tkabbir sostenibbli u noħolqu valur fit-tul għall-azzjonisti tagħna. Id-djalogu miftuħ huwa fundamentali għal din ir-relazzjoni. Dan jagħti lill-azzjonisti tagħna stampa aktar ċara ta’ kif qed immexxu l-Bank, fejn qed ninvestu u kif l-istrateġija tagħna qed toħloq valur kemm għall-klijenti kif ukoll għall-azzjonisti.”

Kevina Cardona, Chief Financial Officer tal-Bank of Valletta, indirizza il-prestazzjoni finanzjarja u l-mod kif qed jiġi allokat il-kapital. Qal, “Il-pożizzjoni finanzjarja tagħna tagħtina bażi soda biex inkomplu nwettqu l-ambizzjonijiet tal-Bank b’mod responsabbli. Filwaqt li nkomplu ninvestu fl-operat tagħna, l-enfasi tagħna tibqa’ fuq allokazzjoni dixxiplinata tal-kapital, it-titjib fl-effiċjenza u li niżguraw li t-tkabbir jissarraf f’valur sostenibbli. Fl-istess waqt nibqgħu impenjati li nżommu karta tal-bilanċ b’saħħitha, filwaqt li nipprovdu redditu xieraq lill-azzjonisti.”

Matul il-programm ġew diskussi wkoll temi bħat-tkabbir kummerċjali, l-esperjenza tal-klijenti, il-ġestjoni tar-riskju, il-konformità regolatorja, kif ukoll l-impjegati u l-kultura organizzattiva fi ħdan il-Bank. Permezz ta’ sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet flimkien ma’ diskussjonijiet informali, l-investituri kellhom l-opportunità li jikkomunikaw direttament mal-kelliema, mal-membri tal-Bord u mat-tmexxija għolja tal-Bank.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, iċ-Chairperson tal-BOV, Dr Gordon Cordina, qal, “Il-fiduċja tinbena permezz tal-konsistenza, it-trasparenza u d-djalogu. L-Investor Days jagħtuna opportunità importanti mhux biss biex nikkomunikaw, iżda wkoll biex nisimgħu. Hekk kif il-Bank iħares lejn iċ-ċiklu strateġiku li jmiss, iż-żamma ta’ dan id-djalogu mal-azzjonisti tagħna se tibqa’ parti importanti mill-isforzi tagħna biex inkomplu nsaħħu l-fiduċja fil-BOV u fil-valur li qed noħolqu fit-tul.”

Il-BOV jibqa’ impenjat li jżomm komunikazzjoni regolari u aċċessibbli mal-investituri, filwaqt li jkompli jaħdem favur tkabbir responsabbli u l-ħolqien ta’ valur sostenibbli għall-klijenti, għall-azzjonisti u għall-ekonomija Maltija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport