Friday, October 25, 2024

IL-BCA titlob biex taċċessa l-fond u twettaq ix-xogħol sabiex jitneħħa kull periklu

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġet stqarrija fejn għamlet referenza għall-inċident li seħħ is-Sibt li għadda fejn tilef ħajtu ħaddiem Albaniż ta’ 51 sena waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu qed isiru f’residenza antika f’Tas-Sliema, li ilha mibnija 100 sena.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Awtorità rriżulta li fuq is-sit inkwistjoni m’hemmx applikazzjonijiet approvati jew pendenti mal-BCA u għaldaqstant ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet. Lanqas ma kien hemm rapporti li daħlu lill-Awtorità qabel l-inċident inkwistjoni.

Riżultat tal-inċident, immedjatament inħatret inkjesta maġisterjali u mill-ewwel riżultati, jidher li l-istruttura tal-fond kienet tinsab f’qagħda perikoluża u dan jista’ jkollu wkoll impatt fuq il-fondijiet ta’ terzi, kif ukoll dawk li jridu jaċċessaw il-binja biex iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji.

Għaldaqstant l-Awtorità għamlet talba lill-Maġistrat Inkwerenti sabiex tkun awtorizzata taċċedi fuq il-fond fejn seħħ l-inċident u l-bini, u dan biex issir l-valutazzjoni neċessarja u twettaq ix-xogħol kollu neċessarju sabiex jitneħħa l-periklu fl-interess tat-terzi u l-pubbliku inġenerali.

Din it-talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat inkwerenti, u għal dan il-għan l-Awtorità ser tkun qed tingaġġa Perit, Kuntrattur, Site Technical Officer, Bennej Liċenzjat u Health and Safety officer biex fil-preżenza u taħt is-sorveljanza tal-espert tekniku maħtur fl-inkjesta twettaq dan l-inkarigu.

B’rispett lejn in-natura tal-investigazzjoni pendenti permezz tal-inkjesta maġisterjali, l-Awtorità tenniet li f’dan l-istadju ma kinitx se tikkummenta aktar.

Sport