Sunday, June 28, 2026

Il-bidla fil-klima… l-effetti dejjem isiru aktar qliel… kemm se ndumu nisimgħu l-istess kliem?

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem diversi pajjiżi Ewropej intlaqtu minn mewġa qawwija ta’ sħana. Mewġa li ħolqot kaos sħiħ f’dawn il-pajjiżi li mhumiex imdorrijin b’temperaturi daqstant għoljin.  Wieħed mill-pajjiżi milqutin kien ir-Renju fejn it-temperaturi għoljin affettaw is-servizzi tas-saħħa tant li kellhom jitnaqqsu xi servizzi.  

F’nofs il-ġimgħa r-Renju Unit irreġistra l-ogħla tempeeratura li qatt ġiet irreġistrata f’Ġunju dik ta’ 36 grad. Franza ukoll intlaqtet minn mewġa ta’ sħana. U din wasslet għal pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa, tant li l-gvern Franċiż ħabbar projbizzjoni fuq il-konsum pubbliku tal-alkohol u bejgħ f’Pariġi u dan bil-għan li jnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet.  Twissijiet dwar temperaturi għoljin saru ukoll fil-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka hekk kif it-temperaturi f’dawn il-pajjiżi kienu mistennijin jilħqu is-36 grad.

U ovvjament dan it-temp estrem, issa sar xi ħaġa regolari li jiġi esperjenzat. Fix-xitwa maltempati kbar, għargħar u ċikluni u fis-sajf mewġiet qawwija ta’ sħana. 

Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, li rridu nammettu li donnhom qegħdin jaggravaw minn sena għal oħra, il-mistoqsija li tqum hi dik ta’ kemm qegħdin inkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima?  Qegħdin ngħidu dan għax id-diskussjonijiet dwar il-bidla fil-klima ma bdewx ilbieraħ. It-tħassib u l-previżjonijiet ta’ x’kien se jiġri, kienu ilhom. Għaddew 34 sena mindu saret l-ewwel Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Berlin. Minn dak iż-żmien smajna ħafna ta’ x’għandu jsir.  Minkejja kollox, l-effetti tal-kriżi fil-klima qegħdin narawhom jiggravaw.

L-esperti ilhom iwissu li t-tibdil fil-klima qed iwassal għal mewġiet ta’ sħana aktar frekwenti u aktar intensi, u li s-sistemi tas-saħħa se jkollhom jadattaw biex ikunu jistgħu jkomplu joffru servizz sigur anke waqt temperaturi rekord. Illum qegħdin nerġgħu nisimgħu li din is-sħana fl-Ewropa turi biċ-ċar il-kriżi klimatika, u għandna sejħiet mill-ġdid għall-bidla iktar malajr għal enerġija rinnovabbli.

Hu ċar li fejn tidħol il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, il-falliment jidher ċar. Jidher u jinħass. Ir-riżultat ta’ x’wassal għal dan ma’ tridx tħares ħafna lbogħod biex tinduna. Il-bidla fil-klima mhix xi ħaġa li jista’ jitrattaha xi pajjiż wieħed. Trid tkun sforz globali. 

Sfida kbira għax minkejja dak li qegħdin naraw jiġri madwarna u anke lbogħod minna, jibqa’ l-pressjonijiet kbar ta’ korporazzjonijiet b’saħħithom b’mod partikolari fejn tidħol l-industrija taż-żejt.  Is-saħħa tal-industrija tal-żejt u l-pressjoni biex jibqgħu jintużaw il-fjuwils – li dawn jagħmlu ħsara kbira fl-atmosfera u jżidu t-temperaturi mit-tniġġiż tagħhom, hi qawwija u hi l-kaġun tal-falliment f’dan il-qasam. Sakemm se jibqgħu iċedu quddiem il-pressjoni ta’ dawn il-korporazzjonijiet, ftit hemm tama li din il-kriżi tibda tiġi imbuttata lura.

L-istrateġija tal-Unjoni Ewropa hi dik li tiddekarbonizza l-kontinent sas-sena 2050.  Mira ambizzjuża kemi trid. Imma kemi se tintlaħaq? 

U waqt li fuq livell politiku, se jibqgħu il-pressjonijiet mill-korporazzjonijiet il-kbar taż-żejt u mill-industriji, hemm aspett ieħor li ukoll hu injorat. Dan hu dak ta’ x’qegħdin nagħmlu aħna b’mod individwali biex innaqqsu l-pressjoni fuq l-ożonu u nnaqqsu t-tniġġiż.

Bħala poplu u magħna popli oħra ma nistgħux noqogħdu nistennew biss lill-Istat jagħmel il-parti tiegħu u aħna noqogħdu gallarija. Kulħadd irid jagħmel il-parti żgħira tiegħu. Biċċa żgħira minn kulħadd, il-gwadann ikun wieħed qawwi.  Ovvjament dan jeħtieġ bidla fil-mentalità. Hi sfortuna li fostna għad għandna ħafna li mhux lesti jagħtu l-biċċa żgħira tagħhom.

Ibda mit-trasport. Għandna trasport pubbliku bla ħlas. Azzjoni li tfisser miljuni ta’ Ewro fis-sena f’sussidji. Minkejja dan jibqa’ jkollna min jagħżel li dan is-servizz ma jużahx akkost ta’ kollox. Jibqa’ jkollna min jirreżisti li jirkeb it-trasport pubbliku. Riżultat ta’ dan hu imbagħad il-konġestjonijiet tat-traffiku, li jfissru aktar tniġġiż.  

Irridu naraw bħala pajjiż għaliex għandna dawn is-sezzjonijiet sħaħ ta’ nies li qed jibqgħu ma jużawx it-trasport pubbliku. Irridu naraw x’qed iżommhom il-bogħod minn dan is-servizz.  Mentalità li minħabba fiha imtlejna bil-karozzi fit-toroq. Karozzi li llum joħolqu problema  kullimkien, kemm f’dak li huma konġestjonijiet, tniġġiż u fuq kollox il-problema kbira tal-parkeġġi.  Għaliex biex inmorru f’żona fl-istess raħal jew belt irridu naqbdu l-karozza privata?  Din hi l-mentalità li hemm bżonn tinbidel f’pajjiżna. 

Jekk nieħdu l-iskart, tqum il-mistoqsija kemm qegħdin nippruvaw innaqqsu l-iskart.  Kemm qegħdin nirriċiklaw?   L-istess fejn tidħol id-domanda għal enerġija. Kemm qegħdin naraw li nnaqqsu l-konsum jew aħjar il-ħela? Hu fatt li llum f’pajjiżna għandna kontijiet tad-dawl b’rati meqjusin irħas mill-poplu tagħna u dan għal xi wħud ifisser li jista’ jaħli.  Ma nistgħux ninsew li l-ħela minn ħafna tfisser domanda akbar għall-enerġija. Dań ifisser użu aktar ta’ fjuwil u gass.

Anki fejn jidħol l-użu tal-ilma. Għadek spiss tara min jaħli l-ilma, l-aktar meta xi ħadd jaħsel barra b’pajp bl-ilma ħiereg. Ma ninsewx li pajjiżna matul is-snin għamel investimenti kbar fejn tidħol il-provvista tal-ilma. 

ll-ħela fl-ilma tfisser aktar enerġija elettrika. 

Nemmnu li hemm bżonn kampanji ta’ edukazzjoni kontinwi fost il-poplu tagħna. Kampanji li juruh kif jista’ verament jikkontribwixxi biex jgħin l-ambjent. Il-poplu ma jistax jibqa’ spettatur. Irid ikun parti mill-isforz. Biex dan iseħħ irid ikun mgħarraf u  infurmat.

Dan biex maż-żmien tinbidel il-mentalità. Dan flimkien mal-fatt li wasal iż-żmien li f’dan pajjiżna jibda jieħu miżuri  li jindirizzaw ċerti problemi li qegħdin joħolqu dannu lill-ambjent tagħna, miżuri li finalment iwasslu biex il-poplu tagħna jibda juża sistemi li bihom jkun qed jgħin l-ambjent u jkun qed jgħin inaqqas l-emissjonijiet. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport