Dwar il-kwistjoni ta’ biljetti ta’ l-ajru bla ħlas għall-politiċi u jekk din is-sistema hix se titkompla mill-kumpanija KM Malta Airlines, il-Ministru għall-Finanzi, b’mod kategoriku qalilna li “mhu se jkun hemm xejn minn dan. Se jħallsu bħal ħaddieħor”.
Lill-Ministru Carauna fakkarnieh fuq il-laqgħa ġenerali annwali tal-Air Malta f’Marzu tas-sena 2019. Dakinhar kien tħabbar li għas-sena 2018 l-kumpanija nazzjonali tal-Air Malta kienet għamlet profitt ta’ €1.2 miljun wara 18-il sena ta’ telf. Dan f’kuntrast mal-€10.8 miljun telf tas-sena 2017.
Il-Ministru Caruana qalilna li “biex inkunu qed ngħidu kollox bl-eżatt, dakinhar sar telf operattiv ukoll. Kien sar profitt għax inbiegħu l-islots. Qisek kellek dar u biegħtha u spiċċajt bla saqaf fuq rasek. It-telf operattiv tal-kumpanija Air Malta kien ilu għaddej għal aktar minn għoxrin sena.”
Mistoqsi dwar id-diskussjonijiet mal-unions dwar il-qalba għax dawn jinvolvu kundizzjonijiet tax-xogħol totalment ġodda u differenti ħafna minn dawk ta’ qabel, il-Ministru Caruana jgħidilna li “mal-unions sar ħafna xogħol. Mal-union tal-piloti u mal-union tal-cabin crew għalaqna. Mal-inġiniera u mal-General Workers Union (GWU) hemmhekk għad baqa. Il-piloti u l-cabin crew issa ħadu l-pakkett ta’ kundizzjonijiet biex jiddiskutuh mal-membri.”
Imma l-RJ’s kienu l-problema?
Nitkellmu miegħu dwar il-kwistjoni tal-ajruplani RJ 70’s. Ajruplani li inxtraw taħt amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista u li għal snin sħaħ dawn l-ajruplani kienu f’kontroversja sħiħa. Nistaqsuh b’mod ċar, jekk kinux dawn l-ajruplani u l-ispiża tagħhom li wasslet biex l-Air Malta tieqaf topera.
Il-Ministru Caruana jgħid li “l-problemi kienu ħafna – sensiela ta’ problemi li flimkien wasslu biex sena wara l-oħra, għal għoxrin sena sħaħ, il-kumpanija tirreġistra telf. Il-problemi kienu ilhom hemm.
Dawn kienu jvarjaw minn prattiċi ta’ xogħol ħżiena għal skemi ta’ irtirar kmieni li poġġew piżijiet enormi fuq il-kumpanija. Kellek ukoll rotot li ma jagħmlux sens. Is-seat load factor, jiġifieri kemm ajruplan ikun mimli waqt titjira, ma kienx għoli biżżejjed. Jiġifieri, le ma kienx hemm raġuni waħda. Kien hemm sensiela ta’ deċiżjonijiet li litteralment żvinaw lill-kumpanija Air Malta minn diversi bnadi.
Kien hemm nuqqas ta’ dixxiplina. Ma jistax ikollok kumpanija kummerċjali li tiġi trattata agħar minn Dipartiment tal-Gvern.”