Sunday, December 22, 2024

Il-Blue Med u l-SDG 14 Challenge

Christine Mallia Spiteri
Christine Mallia Spiteri
Rapreżentanta Malta Enterprise

Aqra wkoll

Il-Malta Enterprise nediet il-Blue Med, inizjattiva ġdida li tiffoka fuq li tgħin lin-negozji biex jiżviluppaw aktar il-potenzjal ekonomiku tal-ibħra tagħna.  Din l-inizjattiva ġdida tal-gvern tħabbret mill-Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Inkorporata fi ħdan l-istruttura tal-Malta Enterprise, il-Blue Med, ser jistrada u jgħin kumpaniji lokali u internazzjonali fin-niċeċ ekonomiċi blu. 

Meta tkellmet waqt l-attività tat-tnedija tal-Blue Med, il-Ministru Miriam Dalli nnotat li din l-inizjattiva hija wegħda importanti tal-programm elettorali ta’ dan il-Gvern, u l-implimentazzjoni tagħha timmarka tragward ġdid fl-impenn ta’ Malta lejn ekonomija sostenibbli. 

“Il-Gvern huwa impenjat bis-sħiħ li jimpenja ruħu ma’ pajjiżi oħra u li jkollu viżjoni fit-tul. Il-punt fokali tal-Blue Med se jressaqna eqreb lejn it-tisħiħ ta’ attivitajiet sostenibbli f’Malta u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u karrieri ta’ kwalità għolja f’oqsma relatati,” qalet Miriam Dalli.

F’dawn l-aħħar xhur, il-Malta Enterprise ħadet b’mod attiv miżuri biex tgħati imbuttatura lejn l-ekonomija l-blu sostenibbli – inkluż billi tiġbed lejn Malta u tgħin kumpaniji innovattivi fl-ekonomija blu Maltija. Permezz tal-inizjattiva Blue Med qed tiżgura wkoll li n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn konsulenza u gwida minn esperti permezz tal-kollaborazzjoni tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, il-Kunsill Dinji tal-Oċean, u l-Alleanza għall-Oċean Sostenibbli.

Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise spjega wkoll kif b’rabta ma dan l-isforz il-Malta Enterprise fetħet l-‘SDG 14 Challenge’, b’allokazzjoni ta’ €4 miljun biex jkunu attirati kumpaniji b’soluzzjonijiet innovattivi f’dan il-qasam.   “Permezz ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali, il-Malta Enterprise għandha l-għan li tattira proposti għall-iżvilupp u implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi f’attivitajiet relatati mal-ibħra: bħall-Blue Tech; l-Osservazzjoni tal-Ibħra; Mitigazzjoni tat-Tniġġis tal-Ibħra; Bijoteknoloġija Blu u Enerġija Rinnovabbli permezz tal-Ibħra.”

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu permezz tal-portal tal-klijenti tal-Malta Enterprise, aċċessibbli permezz tal-link li ġej: https://clientportal.maltaenterprise.com/login 

Għal aktar informazzjoni dwar il-Blue Med u l-kompetizzjoni internazzjonali SDG14 segwi dan il-link https://www.maltaenterprise.com/node/1828 jew ibgħat email fuq [email protected] 

Ekonomija

Sport