Sunday, December 22, 2024

IL-BOV jiddiskuti l-IA fid-dinja bankarja

Aqra wkoll

Hekk kif il-banek ikomplu jinnavigaw il-kumplessitajiet ta’ pajsaġġ diġitali li qed jevolvi b’pass mgħaġġel, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali qed tiddefinixxi mill-ġdid l-istandards tal-industrija u tgħolli s-sodisfazzjon tal-klijent f’livelli bla preċedent. Dan saħqu Ivo Camilleri, Chief Strategy, Transformation and Data Officer tal-Bank filwaqt li Introduċa workshop għall-impjegati tal-BOV, li jiffoka fuq l-użu tal-IA fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. “Huwa imperattiv li ninvestu biex nixprunaw bidla fis-settur tas-servizzi finanzjarji lokali, bidla li tissarraf f’ġestjoni aħjar tar-riskju u esperjenza mtejba tal-klijent,” qal is-Sur Camilleri.

Il-Bank fittex il-kollaborazzjoni ta’ esperti mid-ditta globali rinomata Strategy& biex jikkontribwixxu għal dan l-avveniment. Strategy& ppreżentat avvanzi fl-oqsma tal-IA li huma rilevanti għas-settur bankarju kollu. Huma qasmu l-għarfien u l-perspettivi tagħhom ma’ dawk preżenti.

Id-diskussjoni ffukat fuq teknoloġiji emerġenti bħal Gen AI u Deep Learning kif ukoll għodod prattiċi bħal Microsoft CoPilot li huma mfassla għall-industrija bankarja. L-esperti barranin taw ħjiel dwar x’tista’ tkun id-dimensjoni li jistgħu jieħdu istituzzjonijiet finanzjarji lejn futur dejjem aktar immexxi mit-teknoloġija.

Ġie nnutat li, minkejja l-avvanzi li saru, l-Ewropa tinsab madwar sena u nofs wara l-Amerika ta’ Fuq fi tħaddin ta’ dawn l-innovazzjonijiet. Madankollu, il-flessibbiltà tar-rekwiżiti tal-kapaċità tar-riżorsi hija fattur mill-aktar essenzjali. Anke jekk wieħed ikollu jibda b’numri modesti jew operazzjonijiet żgħar, il-qligħ li jġib ikun wieħed mill-aktar sinifikanti. Dan ir-rikonoxximent jenfasizza l-potenzjal immens għat-tkabbir u l-innovazzjoni fi ħdan il-pajsaġġ bankarju Ewropew.

Barra minn hekk, id-diskussjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-banek jidentifikaw punti ta’ dħul strateġiċi f’diversi funzjonijiet biex jibdew il-vjaġġ trasformattiv tagħhom. L-IA ġġib bidliet importanti lejn awtomazzjoni u effiċjenza akbar. Dan l-aħħar bdiet tespandi wkoll biex tinkludi applikazzjonijiet sofistikati fil-ġestjoni tar-riskju, il-prevenzjoni tal-frodi u servizz għall-konsumatur imfassal apposta. Din il-bidla teħtieġ inizjattivi wesgħin ta’ titjib tal-ħiliet fost sezzjonijiet differenti fi ħdan l-organizzazzjoni. Sadanittant, biex il-banek joperaw fuq skala b’suċċess, se jkun meħtieġ li jinħolqu interkonnessjonijiet bejn il-kompetenza tal-inġinerija u l-ingranaġġ tal-għodod tal-IA.

Meta tkellem wara l-attività, Ivo Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal-livell ta’ interess u l-impenn li d-diskussjoni qajmet fost dawk preżenti. “L-Intelliġenza Artifiċjali mhijiex moda jew xejra, iżda għodda kritika li rridu nifhmu u nisfruttaw għall-aħjar interess kemm tal-klijenti kif ukoll tal-impjegati tagħna.” Spjega kif dan il-workshop kien preludju importanti għal diskussjoni li trid tkompli fi ħdan il-Bank, li taqsam mal-funzjonijiet kollha, kemm dawk ta’ appoġġ kif ukoll dawk ta’ kontroll. “Mill-ġenerazzjoni ta’ dejta sintetika għal esperjenzi personalizzati tal-klijenti, l-IA sservi bħala bażi biex titmexxa l-innovazzjoni ċċentrata fuq il-klijent fis-settur bankarju. Fil-Bank of Valletta, qed nieħdu rwol ewlieni biex naħsdu l-benefiċċji tal-IA u nsarrfuhom f’esperjenza aħjar għal klijenti biex b’hekk nipprovdu esperjenzi ta’ kwalità għolja.”

Ekonomija

Sport