Dik li kienet l-Aġenzija tal-Bank of Valletta f’Ta’ Sannat Għawdex, ġiet rinovata u trasformata f’Ċentru ġdid għal Benesseri Finanzjajru b’dehra moderna li tħaddan ambjent personali esklussiv u li jilħaq il-ħtiġijiet tal-kljienti.
Il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru f’Ta’ Sannat, isegwi dak tas-sajf li għadda fil-Furjana. Iċ-Ċentru jaħdem bl-istess mod bħal dak ta’ Malta fejn il-klijenti li jixtiequ japplikaw għal prodotti u servizzi ġodda jistgħu jagħmlu dan minn ambjent komdu li joffri element ta’ privatezza u kumdità.
Minn dan iċ-ċentru l-ġdid, il-klijenti jistgħu japplikaw għal prodotti ta’ self personali jew għad-djar, prodotti ta’ investiment kif ukoll negozju tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u pjanar għall-irtrar.
Waqt il-ftuħ uffiċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia tkellem dwar l-impenn tal-Bank li jkompli jsaħħaħ is-servizzi tiegħu f’Għawdex. “Il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru f’Għawdex jibni fuq is-suċċess li ksibna bil-ftuħ taċ-Ċentru l-ieħor fil-Furjana.
Permezz ta’ dan iċ-Ċentru se nkomplu ntejbu l-livell tas-servizz u nilħqu l-aspettattivi tal-klijenti tagħna. Minn Ta’ Sannat il-klijenti tagħna Għawdxin se jkunu jistgħu ikomplu jilħqu l-miri finanzjarji tagħhom b’mod flessibbli, u f’ambjent ta’ privatezza.
Barra minn hekk, bħala parti mill-istrateġija tagħna li nkomplu nsaħħu s-servizz għall-komunità Għawdxija, introduċejna wkoll ATM ma’ dan iċ-ċentru biex hekk issa f’Għawdex għandna 9 ATMs b’kollox.”
Iċ-Chief Personal & Wealth Officer tal-BOV, Simon Azzopardi ħeġġeġ lill-klijenti Għawdxin biex jieħdu vantaġġ mis-servizzi li joffri ċ-Ċentru tal-Benesseri Finanzjajru f’Ta’ Sannat.
“Aħna nifhmu li fi gżira żgħira bħala ma hija Għawdex, imkien mhu ‘l bogħod. Iċ-Ċentru f’Ta’ Sannat jista’ jintlaħaq faċilment u huwa post ideali minn fejn il-klijenti tagħna f’Għawdex jistgħu jinqdew minn taħt saqaf wieħed għall-bosta servizzi u prodotti. Filwaqt li l-Fergħa tagħna fir-Rabat u l-Aġenziji tan-Nadur, ix-Xagħra u x-Xewkija se jibqgħu joffru s-servizz b’mod normali, iċ-Ċentru f’Ta’ Sannat se jopera bl-appuntament. B’hekk il-klijenti jistgħu jinqdew f’xi waħda mill-kmamar f’dan iċ-Ċentru fil-ħin li jkun komdu għalihom, mal-istess rappreżentant tal-Bank li normalment jinqdew magħhom b’mod privat u f’ambjent rinovat.”
Minn barra l-introduzzjoni wkoll ta’ ATM f’Ta’ Sannat, il-Bank of Valletta żied ATM oħra li tieħu d-depożiti fix-Xagħra. B’hekk il-Bank of Valletta issa għandu disa’ ATMs f’Għawdex li jinsabu fir-Rabat, l-Imġarr, Marsalforn, in-Nadur, ix-Xagħra, ix-Xewkija u Ta’ Sannat. Minn barra l-Kap Eżekuttiv u ċ-Chief Personal & Wealth Officer, għall-ftuħ uffiċjali attendew ukoll fost l-oħrajn iċ-Chief Commercial Officer, Simon Grech u s-Sindku ta’ Ta’ Sannat, Philip Vella.