Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici flimkien mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli ħabbru l-ewwel proġett tal-Fondazzjoni ta’ residenza tat-tip co-living li se jsir fil-qalba tal-komunità f’Ħal Kirkop.
Dan il-proġett se joħloq opportunità ġdida għal persuni li jixtiequ jgħixu b’mod indipendenti u affordabbli, filwaqt li jibqgħu jibbenefikaw mill-appoġġ u s-sens ta’ appartenenza li toffri l-komunità.
Kunvent li jinsab fir-raħal ta’ Ħal Kirkop se jiġi rinnovat u adattat biex issir residenza ta’ co-living. Ir-residenza se tkun iddisinjata b’mod li tipprovdi lir-residenti bl-ispazju privat u l-indipendenza meħtieġa, filwaqt li jkollhom aċċess għal numru ta’ spazji u faċilitajiet komuni. Dawn l-ispazji se jkunu amministrati professjonalment sabiex ikun żgurat ambjent sigur, organizzat u ta’ kwalità.
Proċess ta’ konsultazzjoni mal-komunità ta’ Ħal Kirkop wassal biex fil-proġett se jiġu inklużi night shelter għall-anzjani tal-lokalità, kif ukoll klinika li se tkun miftuħa għall-pubbliku. Dawn il-faċilitajiet se jkomplu jsaħħu l-irwol tar-residenza bħala spazju li mhux biss jipprovdi akkomodazzjoni affordabbli, iżda jwieġeb ukoll għall-ħtiġijiet usa’ tal-komunità.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan huwa proġett li jpoġġi lill-persuna u lill-komunità fiċ-ċentru. Qed nagħtu ħajja ġdida lil dan il-kunvent f’Ħal Kirkop, biex noħolqu spazju ta’ co-living li joffri akkomodazzjoni affordabbli, indipendenza u sens ta’ appartenenza. Dan huwa eżempju konkret ta’ kif nistgħu nużaw l-ispazji li għandna biex noħolqu aktar opportunitajiet u, fl-istess waqt, insaħħu l-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross semma kif il-kunċett ta’ co-living mhux biss jindirizza l-problema tas-solitudni iżda jgħin biex tinbena komunità. “Filwaqt li l-koperazzjoni ssaħħaħ is-solidarjetà fil-komunità, tagħti wkoll l-opportunità lir-residenti biex waqt li jkunu residenti f’din il-binja, jippjanaw il-passi tagħhom ’il quddiem fil-perkors tal-ħajja tagħhom fejn tidħol l-akkomodazzjoni,” qal Michael Pace Ross.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jake Azzopardi qal li dan il-proġett għandu l-għan li juri kif binjiet eżistenti jistgħu jingħataw ħajja u skop ġdid biex jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali u residenzjali tal-lum. Huwa spjega li dan huwa biss il-bidu, hekk kif fil-ġimgħat li għaddew ingħatat l-opportunità lill-privat biex jissieħeb fi proġetti simili. Huwa ħabbar li kien hemm diversi entitajiet provati, li għandhom propjetajiet vakanti jew mhux kompletament utilizzati, li wrew l-interess tagħhom għas-sejħa pubblika li saret biex jagħmlu proġetti simili.
Meta titlesta r-residenza ta’ Co-Living f’Ħal Kirkop, li qed issir b’investiment ta’ €1.6 miljun, mistennija tibbenefika minnha 15-il persuna, filwaqt li se jkun hemm ukoll night shelter u klinika.
