KAMPANJA LI TIPPROMWOVI S-SAĦĦA MENTALI U S-SOSTENIBBILTÀ
Fi tmiem sena ta’ ċelebrazzjonijiet li kkommemoraw il-50 anniversarju tiegħu, il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-komunità bit-tnedija ta’ Inħawlu Tbissima, inizjattiva li għandha l-għan li tkattar l-għarfien dwar is-saħħa mentali u s-sostenibbiltà ambjentali. Dan qed iseħħ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond u ACT Malta.
Aktar Għarfien dwar is-Saħħa Mentali
Il-BOV jirrikonoxxi l-importanza tas-saħħa mentali. Għaldaqstant, qed isaħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu mal-Fondazzjoni Richmond bil-għan li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa u jqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Bank qed iħeġġeġ biex ikun hemm konverżazzjonijiet miftuħa dwar is-saħħa mentali u jiżgura li dawk fil-bżonn ikunu jafu fejn għandhom ifittxu l-għajnuna. Bħalma sistema t’għeruq b’saħħitha tgħin pjanta tiffjorixxi, ir-reżiljenza mentali hija essenzjali għal komunità b’saħħitha u li tirnexxi.
Il-Promozzjoni tas-Sostenibbiltà Ambjentali
Flimkien ma’ ACT Malta, il-BOV qed jippromwovi wkoll is-sostenibbiltà ambjentali permezz ta’ kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-sinifikat tat-tħawwil u l-preservazzjoni ta’ speċi endemiċi. Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-voluntiera tal-BOV żaru diversi postijiet madwar Malta u Għawdex, u qassmu boroż bi żrieragħ tal-pjanta Kromb il-Baħar — pjanta indiġena reżiljenti li tissimbolizza r-reżistenza, it-tiġdid u t-tkabbir. Bħalma din il-pjanta tifjorixxi f’kundizzjonijiet lokali, Inħawlu Tbissima tħeġġeġ lill-pubbliku jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu kif ukoll l-ambjent ta’ madwaru għal ġejjieni aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-BOV, qal “Il-BOV huwa impenjat li jagħmel impatt pożittiv lil hinn mill-bank. Inħawlu Tbissima tinkludi l-valuri tal-kura u t-tkabbir — tipprovdi appoġġ lill-kura tas-saħħa mentali, filwaqt li tinkoraġġixxi r-responsabbiltà ambjentali. Kromb il-Baħar, bir-reżiljenza u s-sbuħija tagħha, tirrifletti l-għan ta’ din il-kampanja, u tfakkarna lkoll kull azzjoni tista’ twassal għal bidla pożittiva dejjiema. Hekk kif il-Bank qed jikkonkludi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju, jibqa’ ddedikat għal inizjattivi li jsaħħu kemm il-komunità kif ukoll futur aktar sostenibbli.”
Charles Azzopardi, Kap tas-CSR tal-Bank of Valletta żied jgħid, “Din l-inizjattiva hija sejħa għal azzjoni biex kulħadd ikollu rwol fil-bini ta’ futur aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli. Kemm jekk biex tipprijoritizza s-saħħa mentali jew biex tħawwel żerriegħa għal ambjent aħjar, Inħawlu Tbissima tiffoka fuq sforz kollettiv u impatt pożittiv. Kromb il-Baħar hija simbolu perfett għal din il-kampanja — bħalma hija tadatta u tiffjorixxi, hekk ukoll il-komunità tagħna meta nieħdu ħsiebha b’attenzjoni u impenn.”
Il-BOV jistieden lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din il-kampanja billi jxerred l-għarfien u jieħu azzjoni dwar is-saħħa mentali u ambjent aktar b’saħħtu. Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva, wieħed jista’ jsegwi l-mezzi soċjali tal-Bank of Valletta.