Saturday, December 14, 2024

Il-BOV u l-Awtorità tad-Djar jestendu iżjed benefiċċji fl-iskema – 10% depożitu fuq konvenju għax-xiri ta’ propjetà

Iffirmat ftehim bejn il-Bank of Valletta, il-Ministeru għall-Akkomadozzjoni Soċjali u Affordabbli, u l-Awtorità tad-Djar

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta daħal fi ftehim mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u mal-Awtorità tad-Djar sabiex ikompli joffri iżjed benefiċċji lil dawk li jixtiequ jixtru proprjetà iżda minkejja li huma eliġibbli li jieħdu self mill-bank, m’għandhomx likwidtà biżżejjed sabiex joħorġu minn buthom l-10% depożitu li huma dovuti jħallsu meta jiġu biex jiffirmaw il-kuntratt tax-xiri tal-propjetà. Il-massimu ta’ self mingħajr imgħax fuq id-depożitu lill-first-time buyers issa żdied għal €22,500 hekk kif qabel dan kien ta’ €17,500.

Il-ftehim kien iffirmat fiċ-Ċentru tal-BOV Premium Banking f’Santa Venera, mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV s-Sur Kenneth Farrugia u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Matthew Zerafa. L-iffirmar kien presedut mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, l-Onor. Roderick Galdes u mill-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, l-Onor. Silvio Schembri. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap tat-Taqsima tal-Wealth Management tal-BOV, is-Sur Simon Azzopardi u ċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Robert Ducker.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes qal li, minn meta daħlet fis-seħħ din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar ipproċessat aktar minn 500 applikazzjoni u investiet aktar minn €6 miljun biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom. Il-Ministru żied jgħid li din l-iskema qiegħda tassisti u tagħti imbuttatura ’l quddiem lil firxa wiesgħa ta’ nies, minn żgħażagħ li baqgħu jistudjaw u jixtiequ jsiru sidien tal-ewwel proprjetà għal individwi li għandhom inqas minn 40 sena.

“It-tisħiħ ta’ din l-iskema flimkien mal-iskemi li diġà noffru tkompli turi kif bil-fatti il-ħidma kontinwa ta’ dan il-Gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni tirrifletti r-realtajiet tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri qal li din l-iskema u skemi oħrajn mill-Awtorità tad-Djar, qed jgħinu liż-żgħażagħ tagħna f’mument kruċjali fil-ħajja tagħhom. “Li tixtri propjetà huwa mument importanti fil-ħajja ta’ kull individwu, bla dubju huwa l-akbar investiment li wieħed jagħmel matul ħajtu. Huwa l-aktar mument li persuna jkollu spejjeż, għaldaqstant din l-iskema fejn individwi jiġu mgħejuna jkollhom l-10% għad-depożitu ta’ propjetà, qed twassal biex aktar nies jsiru sidien ta’ darhom. Nirringrazzja lil Bank of Valletta li għal darb’oħra fehmu l-importanza ta’ dawn l-iskemi għas-soċjetà tagħna u qed jissieġbu flimkien mal-Gvern biex din l-iskema tirnexxi,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, is-Sur Kenneth Farrugia qal li permezz tas-sħubija tal-Bank f’din l-iskema, għal darb’oħra l-BOV qed jilħaq sezzjonijiet speċifiċi tas-soċjetà Maltija u jassisti sabiex iżjed nies isiru sidien ta’ djarhom.

“Wara li iktar kmieni din is-sena dħalna fl-iskema ta’ Garanzija New Hope, qed inkomplu nwessgħu l-impenn soċjali tagħna permezz ta’ din l-inizjattiva, li toqgħod eżatt fil-miri tagħna li nilħqu l-prinċipji marbuta mal-ESG. Ninsabu kuntenti wkoll li qed inkomplu naħdmu mill-qrib mal-Awtorità tad-Djar sabiex ngħinu iktar persuni jixtru l-propjetà ewlenija tagħhom. In-negozju tas-Self għad-Djar huwa kruċjali fl-operat tagħna u ninsabu konxji wkoll mill-fatt li fix-xenarju attwali, mhux il-klijenti kollha għandhom il-likwidità neċessarja biex iħallsu l-ewwel 10% depożitu malli jiffirmaw il-kuntratt. Għaldaqstant se nibqgħu inkunu katalisti u innovaturi f’dan is-suq. Wara li s-sena l-oħra introduċejna pjattaforma diġitali għall-applikazzjoni tas-self għad-djar, l-isforzi tagħna issa huma ffukati fuq soluzzjonijiet finanzjarji ġodda bil-għan li nassistu firxa iżjed wiesgħa ta’ klijenti li potenzjalment jistgħu ikunu f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Matthew Zerafa, semma’ li permezz ta’ dawn l-arranġamenti fuq l-iskema eżistenti, issa qed jittejjeb il-valur tal-propjetà aċċessibbli u permezz ta’ dan il-ftehim, sew il-BOV kif ukoll l-Awtorità qed jaqblu sabiex l-ammonti l-ġodda jirriflettu dejjem iżjed il-prezzijiet fis-suq tal-propjetà.

Ekonomija

Sport