Wednesday, March 27, 2024

IL-BŻONN TAL-MISTRIEĦ U KEMM HUWA ESSENZJALI GĦAL SAĦĦITNA

Aqra wkoll

Il-ħsieb li nixtieq naqsam magħkom illum fih ċertu importanza partikolari. Ir-rutina u l-ammont ta’ xogħol li jakkumula fil-perkors tal-ħajja tagħna, kultant jitfagħna f’aljenazzjoni u jnessina li għandna bżonn il-mistrieħ. Ma nkunx qiegħda nesaġera meta ngħid dan kollu. Ħafna nies jintilfu fix-xogħol tagħhom u l-kilba għal aktar xogħol u aktar dħul issir parti mir-rutina tagħhom, li ma jkunux kapaċi jgħidu ħa nieqfu ftit sabiex ingawdu dak li ħdimna għalih. Il-bniedem huwa importanti li jifhem li jrid jgħix b’dak li għandu, jekk le nkunu qegħdin ninsew li qegħdin ngħixu. Jiena nħobb nuża frażi li tgħid, ‘work smarter and not harder’.

Li persuna tkun attiva fuq xogħolha huwa tajjeb u ta’ ċertu importanza, għaliex ix-xogħol għal ħafna huwa s-sors u l-mezz tal-għajxien tagħna, apparti wkoll li jżommna attivi, però ma rridux ninġarru minn dan kollu u ninsew li aħna persuni umani u  għaldaqstant għandna bżonn il-mistrieħ. Il-mistrieħ ma jiġix b’mod awtomatiku, huwa aħna li rridu nsibu l-ħin għalih. Bosta drabi nintilfu fix-xogħol, u fiex irridu nagħmlu, u bosta pjanijiet li jżommuna ‘l bogħod milli wieħed ifittex is-serħan. 

Meta ngħid mistrieħ inkun qiegħda nirreferi kemm għall-mistrieħ fejn fih norqdu, li dan huwa kkalkulat illi f’ġimgħa għandna bżonn minn tal-inqas ġurnata u nofs, u li huwa essenzjali għaliex għandu impatt effetiv immens fuq il-ġisem tal-persuna. Irqad tajjeb jgħin sabiex niċċarġjaw mill-ġdid u nkunu aktar luċidi f’dak kollu li nagħmlu. 

Apparti l-irqad tajjeb ukoll li nsibu ħin għas-serħan, ħin li fih ikollna ftit tgawdija ta’ dak li nkunu stinkajna għalih. Li persuna tmur btala hija forma ta’ mistrieħ, kemm fiżiku kif ukoll mentali. Li nsibu ħin għal ftit rilassament, għal mixja jew biex naqraw ktieb, jew saħansitra nqattgħu ftit ħin nagħmlu dak li nħobbu, forsi passatemp, dan ukoll huwa forma ta’ mistrieħ. Dan kollu jgħin ħafna sabiex dik l-enerġija li nkunu ħlejna nerġgħu niksbuha permezz tal-mistrieħ. Il-mistrieħ huwa vitali għas-saħħa mentali, dan iżomm stabbli l-konċentrazzjoni u l-memorja tal-persuna f’qagħda b’saħħitha, apparti li jnaqqas l-istress, ukoll jgħin fis-sistema ta’ metaboliżmu aħjar. 

Huwa rrelevanti kif wieħed jagħżel li jistrieħ, dawn huma kollha forom li jgħinu lill-persuna tkompli miexja ‘l quddiem lejn saħħa aħjar. Tajjeb li nenfasizza illi nuqqas ta’ mistrieħ jikkawża konsegwenzi li jistgħu jkunu minuri, bħal għejja, tibdil fil-burdata, diffikultà biex tiffoka jew sabiex tiftakar ċertu affarijiet li jkunu bażiċi. Dawn f’għajnejna narawhom żgħar, però jeżistu konsegwenzi ferm aktar perikolużi minn hekk. 

Dawn jistgħu jinkludu problemi ta’ saħħa, bħal pressjoni għolja fid-demm, dijabete, puplesija, problemi fil-qalb u wkoll aktar komuni id-dipressjoni u l-anzjetà. Dawn il-kundizzjonijiet ma’ jiġux mix-xejn iżda bla ma’ nkunu qedgħin nindunaw inkunu qed nikkawżawhom aħna bi traskuraġni fuq saħħitna. Kif dejjem sħaqt se nerġa’ ntenni llum, il-bilanċ fil-ħajja tagħna huwa fundamentali. Kemm huwa għaqli li nsibu ħin għax-xogħol għax huwa importanti, iżda l-mistrieħ huwa importanti wkoll. Se nagħlaq b’din il-frażi qasira li ktibt aktar ‘il fuq u li tagħmel ħafna sens, ‘work smarter and not harder’. 

Ekonomija

Sport