Thursday, November 14, 2024

Il-Caritas b’fiduċja fil-Bord tal-Awtorità dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis

Aqra wkoll

Caritas Malta tirrikonoxxi l-għażla tal-persuni li nħatru fuq il-Bord tal-Awtorità dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis li se jkun immexxi mis-Sinjura Mariella Dimech, bħala għażla ta’ persuni ta’ reputazzjoni u ta’ esperjenza fil-qasam tagħhom.

Filwaqt li numru ta’ persuni fil-Bord kienu jaħdmu ma’ Caritas Malta fil-passat u taw kontribut siewi lis-servizzi ta’ Caritas, Caritas Malta xtaqet tiċċara li fil-Bord ta’ din l-awtorità m’hemmx persuni li formalment qed jirrappreżentaw lil Caritas. 

Bħala għaqda volontarja li toffri servizzi għal persuni li jinqabdu fix-xibka tad-dipendenza fuq is-sustanzi, inkluż il-Kannabis, Caritas issostni li ma tistax tkun fuq bord li qed jirregola għaqdiet oħra li se jkunu qed jipprovdu l-Kannabis b’mod kontrollat. Qalet li dan jirriżulta f’kunflitt ta’ interess u b’hekk ma jkunx idoneu li Caritas ikollha rappreżentanza uffiċjali.  

Caritas Malta esprimiet b’mod ċar li l-kunċett tal-użu responsabbli tal-Kannabis jista’ jinftiehem ħażin u jagħti x’jifhem li wieħed jista juża l-Kannabis b’mod li jagħmilx dannu għall-benesseri tiegħu. Agħar minn hekk, jekk minuri jibdew iqisu l-Kannabis bħala sustanza li wieħed jista’ juża liberalment meta jikber. 

Filwaqt li Caritas dejjem irrikonoxxiet li mhux kull adult li juża l-Kannabis jiżviluppa dipendenza fuq il-Kannabis jew drogi oħra, u mhux kull adult li juża l-Kannabis iġarrab konsegwenzi serji, hija qalet li jibqa’ l-fatt li bħala soċjetà għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nillimitaw l-użu billi nikkontrollaw is-sustanza kif ukoll innaqsu d-domanda għaliha. 

Caritas Malta għandha fiduċja li dan il-Bord, filwaqt li jrid jaħdem fil-parametri tal-liġi, jirreżisti kull influwenza għal aktar liberalizzazzjoni fit-tqassim tal-Kannabis; u li fl-eventwalità ta’ żieda tal-użu tal-Kannabis f’pajjiżna jipproponi iktar kontrolli anki kif ġew proposti minn Caritas Malta u entitajiet oħra fil-qasam tal-ħidma soċjali, medika u tal-edukazzjoni. Caritas ukoll tittama għat-tisħiħ tas-servizzi ta’ kura mentali anke fid-dawl ta’ xejriet li xi pajjiżi fejn ġiet legalizzata l-Kannabis, eventwalment raw żieda ta’ dħul ta’ persuni fl-isptarijet tas-saħħa mentali minħabba l-użu tal-Kannabis. 

Finalment, fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp f’pajjiżna, Caritas Malta qalet li se tibqa’ impenjata, iktar minn qatt qabel, li tipprovdi s-sostenn li hemm bżonn lil persuni li jinqabdu bi problemi ta’ sustanzi u l-familji tagħhom, u taħdem b’mod attiv fil-prevenzjoni permezz ta’ programmi fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunita’. Caritas tibqa’ disponibbli għal kull kollaborazzjoni f’dan ir-rigward kemm mal-awtoritajiet u għaqdiet oħra li wkoll jaħdmu għal dan il-għan.

Ekonomija

Sport