Saturday, May 4, 2024

Il-coronavirus jisraq ħajjet tifla ta’ ħames snin fl-Ingilterra

Aqra wkoll

It-tifla kienet tbati minn kundizzjonijiet ta’ saħħa sekondarji

Tifla Brittanika ta’ ħames snin b’kundizzjonijiet ta’ saħħa sekondarji, mietet wara li rriżultat pożittiva għall-coronavirus. Dan kien ikkonfermat mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) tal-Ingilterra.

It-tifla hija fost is-637 persuna li mietu kaġun tal-virus Covid-19 fl-Ingilterra f’dawn l-aħħar 24 siegħa.

Dan il-każ seħħ wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tifla Belġjana ta’ 12-il sena infettata bil-coronavirus kienet meqjusa bħala l-iżgħar persuna li mietet kaġun tal-virus qattiel. Kelliemi għall-Gvern Belġjan, Dr Emmanuel Andre, qal li fatalità kaġun tal-coronavirus f’età daqstant żgħira hija ħaġa rari ħafna.

L-awtoritajiet Belġjani qalu li t-tifla kellha deni għal tlett ijiem qabel ma eventwalment mietet. Ma ngħataw l-ebda dettalji oħrajn dwar jekk it-tifla kinitx tbati minn kundizzjonijiet mediċi oħrajn.

Dan huwa l-ewwel każ ta’ mewt fost tfal fil-Belġju, fejn in-numru ta’ mwiet fil-pajjiż issa jammontaw għal 705.

Intant qabel dan il-każ, l-iżgħar persuna li mietet kaġun tal-Covid-19 kien Vitor Godhino, tifel ta’ 14-il sena mill-Portugall.

Huwa miet fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu.

Il-ġimgħa li għaddiet Franza rrapportat il-mewt ta’ tifla ta’ 16-il sena fir-reġjun ta’ Pariġi. Hija mietet fil-25 ta’ Marzu li għadda.

It-tifla, Julie Alliot, ma kienet issofri minn l-ebda kundizzjoni medika, u l-kundizzjoni tagħha marret għall-agħar fi żmien qasir wara li żviluppat sogħla.

Sport