Saturday, May 4, 2024

Il-fdalijiet tal-ajruplan li nstabu f’San Vinċenz huma tal-Erla Messerschmitt Bf109 F4Z

Aqra wkoll

Minn eskavazzjoni li saret f’San Vinċenz wara li ntlemħet parti mill-fdalijiet ta’ ajruplan wassal biex jinstabu partijiet differenti mill-ajruplan W.Nr8668. Dan kien ikkonfermat mill-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta f’kitba li qasmu fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook.

Fl-istess stqarrija, huma qalu li ġew infurmati bis-sejba ta’ partijiet tal-ajruplan fil-25 ta’ Frar li għadda waqt li kienu qed isiru xogħlijiet bħala parti mill-proġett ta’ ġnien iddedikat lill-persuni bid-dimensja.

Appena nħarġet waħda mill-ġwienaħ tal-ajruplan minn qalb taħt l-art, il-membri involuti f’din l-operazzjoni nnutaw li kien hemm partijiet oħra tal-ajruplan mirduma. Għall-bidu huma ħasbu li l-fdalijiet kienu jappartjenu għal xi varjant tal-F2. Iktar tard fuq waħda mill-partijiet lemħu l-inizjali “W.Nr 8668” fejn awtomatikament indunaw li l-fdalijiet huma tal-ajruplan Erla Messerschmitt Bf109 F4Z li jappartjeni għat-Tieni Gwerra Dinjija.

L-istorja għaż-żjara ta’ dan l-ajruplan f’pajjiżna tmur lura għall-1 t’April tal-1942, meta l-istess ajruplan, li kien misjuq minn Unteroffizier Hans Pilz, intlaqat waqt wieħed mill-bumbardamenti tal-gwerra bil-konsegwenza li ġġarraf u ntradam fil-lokalità attwali li nstab fiha.

Sport