Saturday, May 4, 2024

Il-festi tar-Rabat Għawdex “jingħaqdu” flimkien

Aqra wkoll

Fl-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, jew kif inhi magħrufa aħjar “il-Happy School” illum kien hemm ċelebrazzjoni ta’ festa kbira. It-tfal u l-edukaturi kollha libsu l-gear tal-festa tagħhom għall-okkażjoni.

Il-moħħ wara dan kollu hu s-surmat tal-iskola Lelio Spiteri li mill-ġdid reġa’ ħoloq kunċett ieħor fl-iskola li jmexxi biex it-tfal jingħaqdu u jkompli joffri edukazzjoni b’differenza. Ta’ min jgħid li attivtà simili ssir f’diversi skejjel, iżda mhux fuq din l-iskala fejn anke kien hemm il-banda ddoqq.

Fattur interessanti hu li f’din l-iskola jattendu tfal li ġejjin miż-żewġ parroċċi rivali ta’ xulxin li huma dawk ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija.

It-tfal ma jarawx kuluri u flimkien ingħaqdu fejn minkejja bil-flokkijiet blu u dawk ħomor jifirħu flimkien. Magħhom ingħaqdu wkoll l-għalliema li fi żmien ta’ festa jkunu “mifrudin” iżda imbgħad magħqudin il-bqija tas-sena. Illum kienet okkażjoni biex anke l-għalliema jifirħu flimkien u ma jarawx kuluri.

Lelio Spiter f’kummenti li ta lil talk.mt qal li “l-Happy School tar-Rabat Għawdex iċċelebrat il-Festa Day illum, b’messaġġ ċar u dirett. Kemm hija sabiħa l-għaqda. Kemm hu sabiħ niċċelebraw il-festa tal-qaddisin flimkien. Ta’ min jgħid li fil-Belt Victoria jiġu ċċelebrati żewġ festi kbar, dik ta’ San Ġorġ u dik ta’ Santa Marija. Għandna wkoll numru ta’ studenti ġejjin mit-Triq tal-Għajn u għalhekk li l-Qalb ta’ Ġesù jiġi ċċelebrat ukoll.”

Sport