Tuesday, April 30, 2024

Il-firda fl-UE hi l-akbar alleat ta’ Putin fil-kunflitt mal-Ukrajna

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem u sigħat kompliet il-kriżi u t-tensjoni li teżisti bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Tensjoni li hi karatterizzata minn rapporti ta’ xejn inqas minn 100,000 suldat Russu mal-fruntiera ta-Ukrajna. Wara li t-tensjoni eskalat fl-aħħar jiem, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden iddikjara li jaħseb li r-Russja se tinvadi l-Ukrajna. Hu wissa lill-President Russu Vladimir Putin li pajjiżu se jħallas “prezz għoli ” għall-ħajjiet li se jintilfu u semma li jekk dan iseħħ hu possibilment jaqta’ lir-Russja mis-sistema bankarja globali.

M’hemmx dubju li d-dikjarazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem komplew iżidu it-tensjoni.  It-tensjoni wasslet għal laqgħa bejn is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov. Minn naħa tiegħu l-President Russu Vladimir Putin, qed jinsisti biex il-Punent jirrispetta s-sigurtà ta’ pajjiżu u qed jagħmiha ċara biex l-Ukrajna ma titħalliex tissieħeb fin-NATO.

Wieħed irid ifakkar li dan il-kunflitt ma bediex issa. Il-kunflitt ilu jinħema. Fil-fatt kien fis-sena 2014 meta r-Russja kienet ħatfet il-peninsula tal-Krimea mingħand l-Ukrajna. Dan kien sar wara li l-Ukreni kienu warrbu lill-eks President tagħhom li kien jaħdem mill-qrib u jiffavorixxi lir-Russi. Milizzji appoġġjati mir-Russja imbagħad ħatfu u kontrollaw żoni kbar fl-Ukrajna tal-Lvant wara gwerra mdemmija mal-qawwiet tal-Gvern Ukren. Issa hemm il-biża’ li l-konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna jiżbroffa mill-ġdid jekk il-qawwiet Russi jaqsmu l-fruntiera u jinfiltraw it-territorji Ukreni.

M’hemm ebda dubju li f’dan il-kunflitt qed naraw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti dgħajfin. Fl-istess waqt ir-Russja, immexxija minn Vladimir Putin,  hi konxja ta’ din dgħufija. F’dan il-kunflitt qed naraw Russja deċiżiva – li taf xi trid, taf meta għandha tiddeċiedi u kif għandha taġixxi, b’kuntrast mal-Unjoni Ewropea li xejn mhu ċar min se jiddeċiedi għall-Punent f’dan il-kunflitt.

Meta qed nitkellmu fuq il-punent, qed nitkellmu fuq in-NATO komposta minn 30 pajjiż, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

U quddiem dan il-kunflitt b’Russja tidher deċiżiva, inħarġet id-dikjarazzjoni ta’ Biden dwar id-definizzjoni ta’ aggressjoni mir-Russi. Dikjarazzjoni konfuża, li kompliet għarrqet is-sitwazzjoni. Dikjarazzjoni 

fejn il-President Biden għamel distinzjoni bejn invażjoni massiva u waħda iżgħar fejn ta indikazzjoni li jekk l-invażjoni tkun waħda iżgħar din ma twassalx għal wisq sanzjonijiet massivi. Qal li jekk il-qawwiet Russi jaqsmu l-fruntiera tal-Ukrajna, u joqtlu suldati Ukreni, “dak ibiddel kollox.”

Biex is-sitwazzjoni titħawwad aktar il-President Franċiż Macron issorprenda lil kulħadd meta fil-Parlament Ewropew qal li l-Ewropej għandu jkollhom huma djalogu mar-Russja. Jekk nieħdu l-Ġermanja imbagħad naraw li l-koalizzjoni li qed tifforma l-Gvern hi mifruda fejn jidħol dan il-kunflitt. Hemm il-Ħodor li huma kontra Putin u favur l-Ukrajna. Is-Soċjalisti jidhu mifrudin ukoll bejniethom.

U meta wieħed janalizza deċiżjoni ta’ sanzjonijiet mill-UE jekk il-kunflitt jeskala, faċilment jara sitwazzjoni ikkumplikata. L-UE għandha l-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u Sigurtà. Din issa tkun deċiża b’mod unanimu u kull membru jista’ juża l-veto. Ovvjament pajjizi bħal dawk fil-Baltiku, l-Iskandinavi u anke l-Polonja jaraw lil Putin bħala theddida. Imma pajjiżi bħall-Greċja, Ċipru u l-Ungerija għandhom pożizzjonijiet differenti.

Wieħed jittama li d-diplomazija tħoll din il-kobbla. F’dan il-mument id-dinja m’għandhiex bżonn dan il-kunflitt ġdid. Fuq kollox dan hu kunflitt li se joħloq riskju ukoll għas-sigurtà fl-Ewropa. Il-mod kif żviluppa dan il-kunflitt fakkarna sew fil-gwera bierda. Nemmnu li Unjoni Ewropea mifruda u bi Stati Uniti b’pożizzjoni li ma tidhirx daqstant b’saħħitha, ir-Russja bilfors toħroġ aktar b’saħħitha. L-akbar alleat tar-Russja f’din il-kriżi hi id-djgħufija u n-nuqqas ta’ għaqda fi ħdan il-Punent.

Sport