Friday, June 5, 2026

IL-FONDAZZJONI BOV TAPPOĠĠJA R-RESTAWR TAL-KWADRU TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

Aqra wkoll

Il-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju li jinsab fuq l-altar laterali tal-Knisja l-Qadima ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi ġie restawrat bl-appoġġ tal-Fondazzjoni BOV. Il-kwadru, tipiku tax-xogħlijiet tal-arti sagra tal-aħħar tas-seklu dsatax, juri lill-Madonna bil-Bambin f’idha li qed jgħaddi kuruna tar-Rużarju lil San Duminku. Din il-pittura kienet ingħatat lill-knisja mill-familja Gulia-Schembri, li l-arma tagħha tinsab impittra fuq ix-xellug tal-kwadru.

Minkejja għadd ta’ interventi li saru fil-passat, inkluż wieħed li kien sar fil-bidu tas-snin sebgħin, fejn it-tila  ġiet imwaħħla fuq l-injam b’mod permanenti, il-kwadru kien fi stat ħażin ta’ konservazzjoni. It-tila kienet fraġli u ż-żebgħa kienet bdiet tinqala’ u titfarfar. 

Ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr sar minn PrevArti. Pierre Bugeja, fundatur u konservatur anzjan ta’ PrevArti, ta rendikont tal-interventi li saru fuq din il-pittura. Huwa spjega li x-xogħol kien jinkludi t-tindif tat-tila u t-tneħħija ta’ verniċ,  li kien sfar, u rtokk antik. Dan l-intervent kien ta’ sfida għall-konservaturi minħabba li ħafna miż-żebgħa li żdiedet f’interventi passati ġiet appikata direttament fuq it-tila mingħajr bażi għaliha. Sar ukoll xogħol biex tissaħħaħ it-tila’ li kienet bdiet tinqala’ minn mal-injam.

Ernest Agius, f’isem il-Fondazzjoni BOV, irrimarka li l-Bank huwa kburi li jappoġġja lill-komunitajiet fi proġetti ta’ dan it-tip. Qal, “Huwa ta’ unur għall-BOV li jkun ta’ spalla ma’ diversi soċjetajiet u entitajiet fil-konservazzjoni u restawr ta’ xogħlijiet artistiċi. Xogħlijiet bħal dan għandhom valur mhux biss artistiku imma wkoll storiku u soċjali. Dan huwa parti mir-responsabilità soċjali korporattiva tagħna u mod kif nagħtu lura lis-soċjetà li nservu.”

Mhux magħruf min pitter dan il-kwadru, iżda skont l-għajdut popolari x’aktarx għandu oriġini Naplitana. Waqt it-tindif matul dan ir-restawr instabu partijiet mill-firma tal-artist, dik tal-ewwel ittra u l-aħħar żewġ ittri.  Minkejja dan, l-artist għadu mhux magħruf u r-riċerka għadha għaddejja. Il-pittura tal-Madonna tar-Rużarju kienet ingħatat lill-knisja ta’ San Sebastjan fi żmien meta Ħal Qormi kien beda jiżviluppa f’ċentru urban.  

Il-kwadru restawrat ġie inawgurat waqt ċerimonja fil-Knisja l-Qadima ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport