L-isport mhux biss kompetizzjoni jew attività fiżika. Iżda huwa wkoll mezz kif wieħed jitgħallmu jaħdmu f’tim, jiżviluppa l-ħiliet tiegħu, jibni l-kunfidenza u jkun parti minn komunità. Warajh hemm ukoll coaches, voluntiera u għaqdiet li kontinwament jaħdmu biex itejbu dak li joffru lill-atleti u lill-membri tagħhom.
Il-fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jgħinu biex dan ix-xogħol ikompli jikber.
Permezz tal-programm Erasmus+, għaqdiet u organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-isport jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet biex jinvestu mhux biss fl-atleti, iżda wkoll fin-nies li jaħdmu magħhom.
Bħalissa tinsab miftuħa sejħa għall-mobbiltà tal-istaff fil-qasam tal-isport, bil-perjodu għall-applikazzjonijiet jagħlaq fl-1 ta’ Ottubru 2026. Din l-opportunità hija maħsuba b’mod partikolari għal coaches u staff ta’ organizzazzjonijiet sportivi u tagħtihom iċ-ċans li jmorru f’pajjiż ieħor biex jitgħallmu minn organizzazzjonijiet sportivi oħrajn.
L-attivitajiet jistgħu jinkludu job shadowing u perjodi ta’ osservazzjoni ta’ bejn jumejn u 14-il jum, kif ukoll esperjenzi ta’ coaching jew taħriġ li jistgħu jdumu bejn sebat ijiem u 45 jum.
Fil-prattika, dan ifisser li coach Malti jista’ jqatta’ numru ta’ jiem ma’ klabb barra minn Malta, josserva metodi differenti ta’ taħriġ, esperjenzi ma’ coaches oħra u jitgħallem modi ġodda kif jaħdem mal-atleti. Meta jerġa’ lura Malta, dak l-għarfien ma jibqax biss esperjenza personali, iżda jista’ jiġi applikat fil-klabb u jinqasam ma’ coaches u membri oħra.
Bil-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, numru ta’ klabbs ġewwa pajjiżna ibbenefikaw minn din l-opportunità. Eżempju riċenti huwa dak ta’ Starlites Naxxar Basketball Club, li fl-2025 ibbenefika minn fondi Ewropej taħt l-Erasmus+ sabiex iwettaq proġett immirat lejn it-titjib tal-ħiliet tal-coaches permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ Uni Baskets Münster fil-Ġermanja. Il-proġett wassal biex sitt coaches tal-klabb ħadu sehem f’esperjenza ta’ tagħlim u job shadowing f’Münster.
Xi drabi l-ewwel diffikultà għal klabb jew għaqda sportiva ma tkunx li ssib idea tajba, iżda li tkun taf jekk dik l-idea tistax tkun eliġibbli għall-fondi u kif għandha tinbidel fi proposta b’saħħitha.
Hawnhekk jidħol l-irwol ta’ Servizzi Ewropej f’Malta fejn l-aġenzija toffri servizz b’xejn u personalizzat lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jesploraw opportunitajiet ta’ fondi Ewropej. Dan jista’ jibda minn laqgħa dwar idea għal proġett, jgħaddi għall-identifikazzjoni tal-programm jew is-sejħa l-aktar adattata, u jkompli b’assistenza fit-tħejjija tal-applikazzjoni. Servizzi Ewropej f’Malta tista’ wkoll tassisti lill-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-proġett wara li jinkiseb il-finanzjament.
Għalhekk, kull min jagħmel parti minn klabb, għaqda jew organizzazzjoni sportiva u għandu idea li tista’ tgħin lill-coaches, lill-istaff jew lill-komunità sportiva tiżviluppa, huwa imħeġġeġ jesplora x’opportunitajiet hemm disponibbli.
Għal aktar informazzjoni jew biex tiddiskuti idea għal proġett, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq 2779 7300, permezz tal-email [email protected], jew żur il-website sem.gov.mt.
