Saturday, November 9, 2024

IL-FTEHIM AĦDAR: SPJEGAWLNA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Il-ftehim aħdar (“Green Deal”) sar wieħed mid-dommi ewlenin li fuqu l-Unjoni Ewropea tippernja l-ħidma tagħha. Hu maħsub biex f’kull ħaġa li ssir, tiġi mmarkata bla waqfien il-ħtieġa li jiġu nfurzati l-miżuri li jħarsuna kontra kif il-klima tad-dinja qed tkompli tisħon. 

Kollox irid isegwi l-linja li l-azzjonijiet li nieħdu jservu biex ireġġgħu lura l-effetti ta’ dis-sħana li dejjem tikber. 

Diffiċli titkellem kontra dommi bħal dawn. 

Biss għandhom id-difetti tad-dommi kollha. Li tant kemm isiru qawwija, għal ħafna l-aqwa jkun li qaluhom. Għax qaluhom, ta’ madwarhom jemmnu li qed jitwettqu. 

L-għanijiet tal-ftehim l-aħdar huma ta’ importanza vitali għall-bnedmin mad-dinja. Biss naħseb li wasal iż-żmien biex din l-importanza tingħata għarfien prattiku billi f’kull ħaġa li ssir, jiġi muri fejn u kif tapplika – mhux permezz ta’ stqarrijiet dommatiċi imma bi spjegi ċari u konkreti.

WAQT IL-LOGĦOB

Il-logħob tal-futboll Ewropew għaddej qatigħ hekk kif il-legi nazzjonali jipprovaw itajru l-logħbiet li baqgħu fl-ajru minħabba l-pandemija tal-corona virus. Il-logħob qed isir barra minn żmienu, ġieli taħt xemx taqli, u mingħajr publiku li jattendi.

Sa issa, jidher li n-nies qed taċċetta dil-biċċa; ma tantx għandha alternattiva. Li hemm interessanti iżda hu kif il-logħbiet donnhom qed iseħħu f’atmosfera kompletament differenti minn x’jiġri meta jkun hemm publiku jattendi. Il-ħsejjes mhumiex tal-folla tirreaġixxi għal li jkun għaddej, imma tal-players jikkustinjaw bejniethom.

Xejn ma rajtu rnexxa l-metodu tal-lega Ingliża li qed ixxandar ħsejjes ta’ folla waqt li l-logħba tintlagħab. Irendiha qisha xi programm ta’ varjetà fil-kanali televiżivi ta’ Berlusconi.

RAPPORTI MINFUĦA

Il-klima ta’ suspetti politiċi li nfirxet fostna fl-aħħar żminijiet qed twassal biex ħafna minn dak li jintqal fit-telenovela ġuridika u polizjeżka li tinsab għaddejja bħalissa jfur bla waqfien f’ipoteżijiet u xenarji rokamoboleski.

L-istess nies li jogħxew jgħidulna kemm saret ħaġa kruċjali li l-istat tad-dritt jingħata kull rikonomixximent donnhom qed jogħxew ukoll b’dil-ħaġa.

Il-mod kif, bil-qbil ta’ kull min hu involut, jittawlu u jiġu organizzati l-investigazzjonijiet u inkjesti xejn mhu san. Messu qed isir b’riżorsi qawwija u mħarrġa, jitmexxa b’effiċjenza intellettwali u organizzattiva klinika, u b’ħeffa.

Minflok, qed nassistu għal proċess li bħal ħafna oħrajn qablu, għalkemm mimli skandli u allegazzjonijiet ta’ skandli, donnu mfassal biex l-affarijiet jispiċċaw mirduma fir-ramel, fgati fl-istess ċaqliq ta’ mistoqsija u allegazzjoni li suppost qiegħed jiċċarahom.

M’hemmx dubju x’għad tkun is-“soluzzjoni” għal dil-farsa traġika: li nwaqqfu aġenzija oħra biex tagħmel ma nafx xhiex, u tkompli żżid mal-paraliżi istituzzjonali li drajna ngħixu fih. 

Sport