Il-Gender Pension Gap hu ta’ kważi 37% … però wieħed irid joqgħod attent kif jinterpreta din il-figura

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon qal li mill-aħħar statistika ppubblikata jirriżulta li l-Gender Pension Gap huwa ta’ kważi 37%. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent kif jinterpreta din il-figura. 

Meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ, il-Ministru Falzon stqarr li parti sostanzjali minn dan hija l-fatt li fil-passat ħafna nisa kienu jieqfu mix-xogħol malli jiżżewġu, bir-riżultat li llum jew m’għandhomx pensjoni jew għandhom pensjoni baxxa meta mqabbla mal-irġiel. 

Il-Ministru Falzon fisser li għal dan il-għan, matul l-aħħar snin il-Gvern introduċa diversi skemi u daħħal diversi emendi fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali sabiex jolqot b’mod pożittiv lil dawn it-tip ta’ nisa.

Spjega li dawn l-iskemi u l-emendi rnexxew, fejn illum il-ġurnata qegħdin nirreġistraw żieda fin-numru ta’ pensjonanti nisa. Barra minn hekk, fis-sena 2015, iddaħħal għall-ewwel darba mekkaniżmu sabiex dawk il-persuni li jekk ma jgħaqqdux għaxar snin kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa, jitħallsu bonus ta’ darba fis-sena skont in-numru ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa. Dan il-bonus ġie msaħħaħ permezz ta’ budgets suċċessivi.

Żied jgħid li; “Minħabba li dan il-bonus annwali jkun inkluż fil-kalkolu tad-distakk bejn in-nisa u l-irġiel, dan il-bonus, minkejja kull intenzjoni tajba tiegħu inkluż li jipprovdi dħul għan-nisa, qed ikompli jkabbar id-distakk għaliex ibaxxi l-medja tal-pensjoni tan-nisa, minkejja li mhux pensjoni. Li kieku l-Gvern ma jħallasx dan il-bonus, li jkun ifisser anqas dħul fil-bwiet tan-nisa, ironikament il-gender pension gap ikun ta’ anqas minn 29%”.

Il-Ministru Falzon tenna jgħid li wieħed irid joqgħod attent kif jinterpreta l-figura tal-gender pension gap għaliex ma tagħtix l-istampa sħiħa u reali tas-sitwazzjoni, apparti li parti minnu huwa riżultat ta’ fatturi u ċirkostanzi li seħħew saħansitra sa nofs seklu ilu u aktar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport