Minn tal-inqas 12-il persuna nqatlu u 309 oħra ndarbu f’attakk li seħħ fuq l-Ajruport Internazzjonali ta’ Riyadh, fis-Sawdi Arabja, skont ma ġie rrapportat mill-awtoritajiet lokali.
L-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Sawdija kkonfermat li fost il-vittmi kien hemm erba’ persuni mill-Arabja Sawdija stess, żewġ persuni mill-Bangladesh u persuna waħda minn kull waħda minn dawn il-pajjiżi: l-Istati Uniti, il-Ġordan, il-Palestina, is-Sirja, is-Sudan u l-Eġittu. L-operazzjonijiet fl-Ajruport Internazzjonali King Khalid ġew sospiżi.
Aktar tard, koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija wiegħdet li se twieġeb għal dan l-attakk, li sejħitlu “delitt tal-gwerra”, filwaqt li attribwietu “lill-Houthis tal-Jemen.”
Il-Houthis sa issa ma kkummentawx dwar l-attakk tas-Sibt, iżda qalu li kienu responsabbli għal attakki separati fuq l-istess ajruport nhar il-Ħamis, li fihom inqatlu tliet persuni u kien hemm xi ajruplani li ġarrbu xi ħsarat.
Il-midja internazzjonali qiegħda tirrapporta li dan l-aħħar eskala l-ġlied bejn il-forzi tal-gvern tal-Jemen, appoġġjati mill-Arabja Sawdija u l-Houthis, li jikkontrollaw il-biċċa l-kbira tal-pajjiż. L-attakk tas-Sibt kien l-aktar wieħed fatali sa minn Mejju tal-2015.
Fi stqarrija maħruġa nhar is-Sibt, l-awtorità tal-avjazzjoni ċivili Sawdija qalet li wħud mill-midruba jinsabu f’kundizzjoni kritika.

